Il-President tal-Ekwador, Lenin Moreno, insista bl-impożizzjoni ta’ curfew madwar il-bini tal-Gvern fi Quito wara jiem konsekuttivi ta’ protesti vjolenti kontra l-awsterità. Dan meta l-Gvern ta’ Moreno spiċċa mkeċċi mill-belt kapitali, bil-qawwiet tas-sigurtà qegħdin iwettqu l-mijiet tal-arresti.
Fl-aħħar sigħat, eluf ta’ dimostranti mill-komunitajiet indiġeni imlew kull rokna tal-belt kapitali fejn dehru jimitaw it-tattiċi li ntużaw biex jitwarrbu gvernijiet preċedenti tal-Ekwador. Dan waqt li l-folol għaddew minn bejn il-qawwiet tas-sigurtà biex jidħlu għal żmien fl-Assemblea Nazzjonali (Parlament) fost it-tixjir ta’ bnadar u għajjat ta’ ‘araw is-saħħa tal-poplu’ u ‘Lenin Moreno għandu jwarrab (mill-Presidenza)’.
Il-belt ta’ Quito u bnadi oħrajn servew bħala ‘zoni għall-battalji’ bejn dimostranti mgħammdin u armati bl-injam u l-ġebel li konfrontaw lill-pulizija, li rritaljaw bil-gass tad-dmugħ. L-aħħar rapporti mill-kapitali rriferew għal aktar minn 20 ċivili u madwar 50 pulizija midruba.
Il-President Moreno, intant, qed jiffaċċja l-akbar sfida għat-tmexxija tiegħu li ilha effettiva għal dawn l-aħħar sentejn u nofs. Dan meta hu għadu jirrifjuta li jintroduċi mill-ġdid is-sussidji tal-fuel li neħħa xi jiem ilu fejn qed jiċħad għal kull possibbiltà li jirriżenja. Fl-istess ħin insista li qed jieħu ‘l-aħjar deċiżjonijiet għall-interessi tal-pajjiż’.
Moreno – li ddikjara stat ta’ emerġenza fi Quito – aktar kmieni fil-ġimgħa kien mexxa l-entitajiet tal-Gvern lejn il-belt ta’ Guayaquil, maġenb il-kosta, fejn il-livell tal-inkwiet hu ħafna anqas. Il-President, permezz ta’ mandat bil-miktub, insista biex l-awtoritajiet jillimitaw il-moviment tan-nies viċin il-bini tal-gvern u l-istallazzjonijiet strateġiċi bħala l-aħjar mezz ‘biex tinżamm l-ordni’.
Il-Gvern tal-Ekwador, sadattant, qiegħed ifittex il-medjazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti inkella min-naħa tal-Knisja Kattolika fid-dawl tal-kriżi.
Fl-istess ħin, Moreno qed jingħata ‘appoġġ sod’ mingħand seba’ pajjiżi Latini-Amerikani, fosthom il-Brażil, l-Arġentina u l-Perù, għall-mod kif hu qiegħed jikkonfronta l-inkwiet f’pajjiżu.
//= $special ?>