Din is-sena se titella’ mill-ġdid l-attività ‘Ġenna ta’ Ġonna’ fil-Floriana. Il-lokalità tal-Floriana tħaddan l-akbar numru ta’ ġonna pubbliċi f’Malta mxerrdin mal-konfini tal-lokal, iżda għandha wkoll ħafna aktar x’toffri. Din is-sena infatti se ssir għad-disa’ edizzjoni dan l–attività, imtella’ mill-Kunsill Lokali tal-Floriana.
Il-Minority Leader tal-Floriana James Aaron Ellul ta d-dettalji ta’ numru ta’ attivitajiet li se jsiru l-Ħadd li ġej bil-kollaborazzjoni ta’ diversi organizazzjonijiet li jinsabu fil-Floriana, u anki oħrajn lil hinn.
Dakinhar se jkunu miftuħa l-ġonna kollha li hemm fil-Floriana, mużewijiet, binjiet storiċi u postijiet ta’ interess. Fid-diversi postijiet se jkun hemm gwida li tispjega l-valur storiku tal-post.
Huwa qal li fost l-attrazzjonijiet se jkun hemm manuskritti antiki u patrijiet ibbalzmati fil-Kunvent tal-Kapuċċini, ċans li titla’ fuq il-kampnar tal-Knisja Arċipretali ta’ San Publju, il-ġonna “sigrieti” fis-swar, dawk tal-Milorda, l-Argotti u anki l-Ġnien għall-Mistrieħ (Msida Bastions), l-istess ġnien li fih jinsab l-qabar ta’ Mikiel Anton Vassalli. Tul l-attività se jkun hemm ukoll reċtar ta’ xeni storiċi li ġraw fil-lokalità, fosthom dawk tat-Tieni Gwerra Dinjija.
Fost l-oħrajn fuq il-Fosos, kważi kważi quddiem l-Istitut Kattoliku wieħed se jsib suq ta’ prodotti li huma ambjentali u tajba għas-saħħa. Fi Triq il-Miratur se jkun hemm ukoll zona għat-tfal, miftuħa l-ħin kollu tul il-jum tal-Ħadd.
Ellul qalilna li ovvjament l-aktar attività li tattira l-pubbliku hija dik tal-istazzjon tal-ferrovija ta’ taħt l-art fejn ta’ kull sena jikkonkoru numru ta’ nies għaliha.
Id-dettalji kollha tal-attività tistgħu ssegwuhom fuq din il-link; https://bit.ly/2OyaGGV
//= $special ?>