Miż-Żejtun sal-Kappara. Minn Ħal Luqa sal-Mosta. San Ġwann, Ħal Qormi u l-mini ta’ Santa Venera – traffiku ġġamjat kullimkien.
Din kienet is-sitwazzjoni f’diversi zoni madwar il-pajjiż hekk kif ix-xita qawwija li niżlet wara s-6am ħarbet mhux ftit it-traffiku fit-toroq tagħna.
Net News irċieva wkoll rapporti ta’ zoni varji li spiċċaw mgħarrqa, inkluż Triq tal-Barrani u x-Xatt tal-Gżira.
Fortunatament ma kienu rrappurtati ebda inċidenti serji.

Iżda minkejja li mal-ġurnata x-xita waqfet, ir-rapporti ta’ konġestjonijiet ta’ traffiku xorta ma waqfux. Sitwazzjoni partikolari fid-daħla tal-Isptar Mater Dei fejn hemmhekk diversi sewwieqa għamlu mal-20 minuta weqfin jistennew biex jidħlu fil-parkeġġ tal-isptar. Is-serbut tal-karozzi baqa’ sejjer sal-bypass ta’ Birkirkara.
