Futbol Sport

Ħames plejers mill-Kampjonat Premier sospiżi logħba

(Ritratt: MFA)

Il-Kummissarju tad-Dixxiplina tal-MFA ssospenda ħames plejers mill-Kampjonat Premier wara l-logħbiet ta’ tmiem il-ġimgħa. Dawn huma Joseph Mbong ta’ Hibernians, Gabriel Bohrer Mentz ta’ Santa Lucia, Adrian Borg u Emmanuel Okoye ta’ Sirens u Seydou Sow ta’ Sliema Wanderers.

Mbong tkeċċa fl-aħħar minuti tal-logħba kontra Birkirkara f’deċiżjoni kontroversjali hekk kif deher li mess il-ballun fl-azzjoni. Hu se jitlef il-konfront ta’ Hibernians kontra Ħamrun Spartans. Iż-żewġ plejers ta’ Sirens rċevew ir-raba’ karta safra fil-kampjonat u se jitilfu l-konfront kontra l-leaders Floriana. Id-difensur Gabriel Bohrer Mentz ukoll irċieva r-raba’ karta safra u għalhekk mhux se jkun disponibbli li jilgħab il-logħba ta’ Santa Lucia kontra Mosta. Seydou Sow tkeċċa fit-telfa ta’ Sliema Wanderers kontra Sirens u se jitlef il-konfront kontra Senglea Athletic.

Mill-Ewwel Diviżjoni, Joey Reno Vella ta’ Fgura United, Neil Frendo ta’ Pembroke Athleta u Loumar Cutajar ta’ St. George’s ġew sospiżi logħba.

Melchior Grech ta’ Birżebbuġa St. Peter’s, Mark Borg ta’ Rabat Ajax u Jake Bowman ta’ San Ġwann kienu t-tliet plejers sospiżi mit-Tieni Diviżjoni, bl-uffiċjal ta’ Marsa Paul Sciberras ġie sospiż tliet logħbiet.

Mit-Tielet Diviżjoni, il-plejer ta’ Nicholas Formosa ta’ Għargħur weħel tliet logħbiet sospensjoni u l-plejers ta’ Msida St. Joseph Isaac Chircop u Fabio Muscat ġew sospiżi logħba.

Mit-Tieni Diviżjoni f’Għawdex, Andrew Borg ta’ Munxar Falcons ġie sospiż erba’ logħbiet.