Internazzjonali

Il-futur tar-Renju Unit se jkun deċiż f’laqgħa speċjali tal-Parlament

Id-deputati parlamentari, dan ix-xahar, mistennija jissieħbu f’laqgħa speċjali ta’ nhar ta’ Sibt li għandha tkun deċiżiva għall-futur tar-Renju Unit  u l-proċess ta’ Brexit.

Il-‘jum speċjali’ għall-House of Commons hu fissat għad-19 ta’ Ottubru, dritt wara s-summit tal-Unjoni Ewropea, b’din il-laqgħa qed titqies bħala l-aħħar ċans għar-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea biex jilħqu ftehim għal Brexit qabel il-31 ta’ Ottubru.

F’każ ta’ qbil, il-Prim Ministru Britanniku, Boris Johnson, għandu jitlob lid-deputati biex japprovaw il-ftehim inkwistjoni u jekk le, kapaċi jkunu preżentati numru ta’ għażliet li jistgħu jinvolvu deċiżjoni biex ir-Renju Unit joħroġ mill-UE mingħajr ftehim inkella li jwaqqaf għal kollox il-proċess ta’ Brexit.

Id-deputati se jkollhom jaqblu dwar mozzjoni (business motion) fil-Parlament Britanniku biex issir il-laqgħa speċjali. F’każ ta’ qbil, il-jum tax-xogħol ‘addizzjonali’ fil-Commons isir fl-istess żmien ta’ dimostrazzjoni anti-Brexit tal-kampanja People’s Vote fejn mistenni li eluf ta’ dimostranti jimlew kull rokna ta’ Westminster (f’Londra).

Kienu biss erba’ drabi – mill-1939 ‘il hawn — li l-House of Commons iltaqa’ għal sessjoni f’ġurnata tas-Sibt, b’żewġ okkażjonijiet iseħħu proprju fl-1939 minħabba l-bidu tat-Tieni Gwerra Dinjija. L-aħħar darba ‘Saturday sitting’ kien fit-3 ta’ April tal-1982 b’konnessjoni mal-invażjoni tal-Gżejjer Falklands mill-qawwiet Arġentini.

Il-Prim Ministru Johnson hu determinat li r-Renju Unit joħroġ mill-UE sal-aħħar ta’ Ottubru minkejja l-leġislazzjoni (Benn Act) li tirrikjedi biex hu jikteb lill-Unjoni u jitlob posponiment ieħor għall-proċess, f’każ li ftehim ma jkunx iffirmat mill-Parlament sad-19 ta’ Ottubru u dment li d-deputati f’Londra ma jaqblux dwar no-deal Brexit.

Fi żvilupp ieħor, l-Imħallfin Skoċċiżi qalu li mhumiex se jgħaddu verdett dwar l-isfida legali tal-attivisti li jridu jisfurzaw lil Boris Johnson biex jibgħat l-ittra lill-UE ‘għall-posponiment ta’ Brexit’ jew jippermetti biex uffiċjal jibgħat l-ittra għan-nom tiegħu f’każ li jirrifjuta. L-imħallfin qalu li, għalissa, se jżommu lura mid-deċiżjoni ‘sakemm jasal fi tmiemu d-dibattitu politiku’.

L-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Downing Street insista li Boris Johnson se jirrispetta l-liġi, għalkemm xi osservaturi qalu li għadhom għaddejjin it-taħditiet f’Londra dwar it-tfassil ta’ tieni ittra ‘biex tippreżenta l-każ li dawmien mhux neċessarju’.

Qegħdin ikomplu t-taħditiet bejn Londra u l-UE wara li Boris Johnson ressaq proposti ġodda għal ftehim dwar Brexit li jirrigwardaw ‘sostitut’ għall-politika tal-backstop li l-eks Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May u l-UE kienu innegozjaw biex jevitaw fruntiera riġida għall-Irlanda. Madankollu, l-UE qed tgħid li jrid ikun hemm il-‘bidliet fundamentali’ għall-ideat li jitressqu biex dawn isiru aċċettabbli.