Tanlanqas żewġ persuni nqatlu fi sparatura fil-belt ta’ Halle, lejn il-Lvant tal-Ġermanja u meta l-pulizija għadha tfittex għal suspettati li dehru li ħarbu mill-inħawi.
Il-pulizija, fl-aħħar sigħat, żammet persuna taħt arrest fost indikazzjonijiet li persuni oħra konnessi mal-isparatura laħqu ħarbu b’karozza miz-zona. Ix-xhieda fl-inħawi qalu wkoll li wieħed mill-persuni armati kien liebes bi stil militari waqt li kien qed iġorr diversi armi tan-nar.
Rapporti oħrajn indikaw ukoll attakk fuq sinagoga f’Halle u sparatura f’Landsberg, lejn il-Lvant ta’ din il-belt. Ma kienx ċar jekk l-inċidenti kenux relatati.
Il-kelliema għall-pulizija, aktar tard, żvelaw li raġel spiċċa maqtul b’tiri waqt li kien f’ħanut tal-kebabs u meta l-aggressur fetaħ in-nar fuq l-istabbiliment b’azzarin awtomatiku. It-tieni vittma kienet identifikata bġala mara, iżda ftit ingħataw dettalji dwar il-lokalità tal-omiċidju. Ir-raġel arrestat inqabad mill-pulizija waqt li kien qed jipprova jaħrab b’karozza, bil-pulizija javżaw lir-residenti ta’ Halle biex ma joħorġux minn djarhom.
Filwaqt li ma kienx hemm wisq dettalji dwar l-isparatura qrib is-sinagogu, il-mexxejja tal-komunità tal-Lhud lokali qalu li ‘suspettat kien ipprova jidħol fil-bini’ fejn kien hemm madwar 80 persuna.
Il-vjolenza f’Halle seħħet meta l-Lhud kienu qed jiċċelebraw il-Yom Kippur li hu l-aktar jum qaddis fil-kalendarju tagħhom.
//= $special ?>