Lokali

Il-Ministru Evarist Bartolo jiddikjara mill-ġdid li mhux kuntent bil-wegħdi tal-AUM

Il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo tenna li mhux kuntent b’istituzzjonijiet edukattivi bħall-Università tal-Ġordaniżi f’Bormla.

Dan wara li l-Università Gordaniza kienet ġiet f’pajjiżna b’tant ftaħir li se tattira ammont konsiderevoli ta’ studenti, f’dik li issa kienet konfermata bħala wegħda fiergħa. Tant li l-kampus ta’ Bormla, dejjem vojt u bla hajja.

F’kummenti lil dan il-ġurnal, il-Ministru qal li hu jippreferi istituzzjonijiet li jiġu f’Malta u jikbru gradwalment. Madankollu, dan mhuwiex id-diskors li kien jghid il-Ministru meta ffirmaw il-ftehim mal-Ġordaniżi. Evarist Bartolo ilu xhur jaħbi dan il-falliment, u qed jitkellem biss issa.

Il-kummenti tal-Ministru jaslu fl-istess ġimgħa meta fil-Parlament, hu qal li sar allerġiku għal min jiġi f’Malta jiftaħar li se jġib eluf ta’ studenti, b’riferenza diretta għall-Università tal-Ġordaniżi fil-Kottonera.

Din l-Università saħansitra kienet se teqred spazju kbir f’Żonqor li kienu ma kienx għall-intervent tal-Partit Nazzjonalista. Riċentament, il-Ġordaniżi riedu jaħtfu wkoll spazju ieħor bejn Bormla u l-Isla.

Kien biss l-intervent tar-residenti tal-Kottonera, li ngħaqdu u ffurmaw għaqda mhux governattiva kontra dan l-iżvilupp, li salvaw iż-żona minn dan il-pjan. Il-Partit Nazzjonalista spiss tkellem kontra dan l-iżvilupp, apparti li sa minn qabel ġie ffirmat il-ftehim wissa’ li d-deal mal-Grupp Sadeen ma kien xejn għajr daħq fil-wiċċ.