Lokali

Il-PN joffri proposti biex il-ġid jitqassam għand kulħadd

Il-proposti tal-Partit Nazzjonalista fid-dokument tiegħu għal qabel il-budget, huma mmirati li l-ġid li jinħoloq jitqassam għand kulħadd.

Iddikjara dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, waqt intervista fil-programm Dissett, fejn fost oħrajn irrefera għall-proposta ta’ taxxa inqas fuq min jaħdem iżjed billi jagħmel xogħol part time jew jaħdem overtime. Innota kif ħafna minn dawk li jaħdmu iktar jagħmlu dan għax jinsabu f’sitwazzjoni fejn għandhom bżonn dħul addizzjonali u allura, li jkunu ntaxxati biss b’rata ta’ 10%, tgħin il-qagħda tagħhom.

Adrian Delia qal li f’pajjiżna għandna sitwazzjoni fejn il-piż qed jintefa’ fuq il-privat, għal affarijiet li suppost jagħmel tajjeb għalihom il-Gvern. Fost dawn semma’ ż-żieda fil-vaganzi għal ġranet ta’ festa li jaqgħu fi tmiem il-ġimgħa. Qal li l-Gvern m’għandux jgħabbi lill-privat iżda jkun hu li jippjana fit-tul biex jagħmel tajjeb hu għalihom.

Irrefera wkoll għal iktar minn 1,400 persuna li l-Gvern naqas milli jiggarantilhom saqaf fuq rashom, xi ħaġa li l-Partit Nazzjonalista qed iwiegħed u qal li l-problema prinċipali ġejja minn domanda dejjem iżjed għall-akkomodazzjoni.

Waħda mir-raġunijiet li wasslet għal dan kienet l-importazzjoni massiċċa ta’ ħaddiema li qed jiġu f’Malta biex jaħdmu, f’dak li hu l-pjan tal-Gvern biex itejjeb l-ekonomija biss billi jżid il-konsum.

Qal li l-Gvern Laburista mhux talli mhux jipprova jsib soluzzjoni, anzi s-sitwazzjoni se tkompli tiggrava. Tant hu hekk li fl-aħħar jiem il-Kap Eżekuttiv ta’ JobsPlus iddikjara li s-sena d-dieħla se jiġu minn tal-inqas 10,000 ħaddiema barranin oħra. Dan bil-konsegwenza, fost oħrajn, li d-domanda għall-akkomodazzoni se tiżdied u allura l-prezz se jibqa’ għoli.

Għall-mistoqsija dwar kif Gvern Nazzjonalista jsolvi din is-sitwazzjoni, Adrian Delia qal li hu jrid li jitjiebu l-kundizzjonijiet għal numru ta’ xogħolijiet foshom il-carers, hekk kif dan ix-xogħol bħalissa qed isir dejjem iktar mill-barranin.

Semma’ wkoll lill-edukaturi u setturi oħra nieqsa mill-ħaddiema u qal li dawn ukoll ħaqqhom pagi u kundizzjonijiet aħjar bl-iskop li iktar Maltin imorru għal dan ix-xogħol.

Matul il-programm kienet diskussa wkoll is-sitwazzjonii nterna fi ħdan il-Partit Nazzjonalista, b’Adrian Delia jiddikjara li hu jibqa’ kommess li jwettaq iktar riformi u tibdil.

Filfatt f’dawn l-aħħar xhur kien għaddej proċess intern ta’ konsultazzjoni immexxi minn Louis Galea li għandu jifforma l-pjan għall-Partit Nazzjonalista.