Internazzjonali

Is-Sirja: Tibda l-offensiva militari tat-Torok fuq il-Kurdi

It-truppi tat-Turkija bdew offensiva fit-Tramuntana tas-Sirja fejn kapaċi jidħlu f’konflitt dirett mal-qawwiet immexxija mill-Kurdi, alleati mal-Istati Uniti.

Il-konferma tal-offensiva ngħatat mill-President Tork Recep Tayyip Erdogan meta t-Tmexxija f’Ankara qed taħseb biex twaqqaf zona ta’ sigurtà (fis-Sirja) mingħajr il-preżenza ta’ milizji Kurdi. Il-ħsieb wara l-offensiva hu wkoll  għar-rilokazzjoni ta’ wħud mit-3.6 miljun refuġjati Sirjani li bħalissa qegħdin jgħixu fit-Turkija.

Fil-preżent, qawwiet tal-Kurdi qegħdin jokkupaw l-inħawi Sirjani tat-Tramuntana.

L-istess qawwiet kienu alleati kbar tal-Amerikani fil-kampanja militari kontra t-terroristi tal-ISIS fis-Sirja u l-offensiva tat-Torok saret possibbli wara li l-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, irtira lit-truppi tiegħu miz-zona (Sirjana) partikulari. Id-deċiżjoni kontroversjali ta’ Trump kienet qanqlet il-kundanna f’pajjiżu u minn Stati oħrajn.

Fis-sigħat ta’ qabel l-offensiva kienu żdiedu l-movimenti tal-konvojs Torok bil-vetturi armati u t-tankijiet tal-gwerra, fost il-kummenti li ‘il-qawwiet kienu beħsiebhom jaqsmu lejn is-Sirja biex jikkontrollaw it-theddida għaċ-ċittadini Torok’.