Futbol Sport

Schweinsteiger iħabbar li rtira mill-futbol milgħub

(Ritratt: EPA)

Bastian Schweinsteiger ħabbar li rtira mill-futbol milgħub fuq il-profil tiegħu fuq twitter fl-età ta’ 35 sena wara li ntemm l-istaġun tiegħu fil-Major Soccer League. Schweinsteiger hu meqjus fost l-aqwa plejers Ġermaniżi ta’ kull żmien speċjalment fl-aħħar snin b’karriera brillanti ta’ 17-il sena.

Schweinsteiger jibqa’ magħruf l-aktar għaż-żmien tiegħu ma’ Bayern Munich bejn l-2002 u l-2015. Mat-tim Ġermaniż hu rebaħ tmien darbiet il-Bundesliga, seba’ darbiet id-DFB Pokal, darba d-DFB Ligapokal fl-2007, darba s-Super Cup fl-2010 kif ukoll il-UEFA Champions League fl-istaġun 2012/13. F’dawn it-13-il sena hu lagħab total ta’ 500 logħba mal-klabb u fl-2013 kien parti mit-tim li rebaħ tliet unuri fi staġun wieħed.

Fl-2015 hu ngħaqad ma’ Manchester United iżda l-esperjenza tiegħu damet anqas minn sentejn. Hu magħhom rebaħ l-FA Cup fl-istaġun 2015/16. F’Marzu tal-2017 ingħaqad ma’ Chicago Fire fl-Istati Uniti liema klabb kien l-aħħar wieħed fil-karriera.

Mat-tim nazzjonali Ġermaniż, Schweinsteiger hu r-raba’ l-aktar plejer li lagħab b’total ta’ 121 logħba li fihom skorja 24 darba. Hu rebaħ it-Tazza tad-Dinja fl-2014 fil-Brażil iżda qatt ma rebaħ il-Kampjonat Ewropew.

F’parti mill-messaġġ tiegħu, Schweinsteiger qal li l-fatt li se jkollu jsellem għall-aħħar darba bħala plejer attiv iħossu ftit nostalġiku iżda jinsab ukoll ħerqan għal sfidi eċċitanti fil-futur qrib. Hu saħaq li se jibqa’ leali lejn il-futbol.