Lokali

Sejba ta’ 40 kilogramma ħaxixa tal-kannabis

L-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga rnexxielha tkisser ċirku ieħor ta’ traffikar ta’ droga, hekk kif ilbieraħ ġiet interċettata vettura fis-Swieqi li kienet mgħobbija b’erbatax-il kaxxa tal-kartun b’madwar 40kg ħaxixa tal-Kannabis.

Fil-vettura kien hemm żewġt irġiel Sqallin ta’ 36 u 46 sena, b’wieħed minnhom residenti San Pawl il-Baħar, li ġew arrestati b’rabta ma’ din is-sejba. Raġel Malti ta’ 61 sena residenti Santa Venera qed ukoll jiġi interrogat b’rabta ma’ dan il-każ.

Il-Maġistrat tal-Għassa Neville Camilleri ħatar diversi esperti sabiex jassistuh fl-inkjesta li ġiet appuntata. L-Isqallin mistennija jitressqu l-Qorti għada quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea akkużati fost oħrajn b’assoċjazzjoni fl-importazzjoni u pussess aggravat tal-ħaxixa tal-Kannabis. Mhux eskluż li l-Malti jitressaq ukoll b’akkużi simili.