Futbol Sport

Stefano Pioli jinħatar uffiċjalment kowċ ta’ Milan

(Ritratt: AC Milan)

Wara li lbieraħ ħarġet l-aħbar uffiċjali li tkeċċa Marco Giampaolo minn kowċ ta’ Milan, illum inħatar uffiċjalment Stefano Pioli bħala s-suċċessur tiegħu. Hu ffirma kuntratt ta’ sentejn b’salarju ta’ €1.5 miljun.

Pioli li ftit jiem oħra jagħlaq 54 sena, beda l-karriera ta’ kowċ fl-1999. Seba’ snin wara hu għamel id-debutt fis-Serie A ma’ Parma qabel esperjenzi oħra fl-ogħla diviżjoni Taljana ma’ Chievo, Palermo, Bologna, Lazio u Inter, bl-aħħar klabb li mexxa kien Fiorentina. L-aħjar riżultat għalih jibqa’ t-tielet post miksub ma’ Lazio fl-istaġun 2014/15.

Pioli se jkollu l-kompitu diffiċli li jirbaħ l-ewwel fuq il-partitarji Milanisti hekk kif ħafna huma diżappuntati b’din l-għażla. Milan jinsabu fit-13-il post fis-Serie A b’disa’ punti minn seba’ logħbiet.

Pioli se jkun it-tmien kowċ li jkun mexxa lil Inter u Milan fl-istorja. Hu jingħaqad mal-kowċis Jozsef Viola, Giuseppe Bigogno, Gigi Radice, Ilario Castagner, Giovanni Trappattoni, Alberto Zaccheroni u Leonardo.

Tags