Lokali

Tħassib mill-komunità kummerċjali Maltija hekk kif Brexit qed joqrob

Il-komunità kummerċjali Maltija għadha mħassba ferm bir-riperkussjonijiet li l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, jew aħjar Brexit, mistenni jkollha fuq pajjiżna.

Dan ħareġ waqt business breakfast dwar Brexit, fejn il-President tal-Kamra tal-Kummerċ David Xuereb wissa’ li pajjiżna issa għandu sfida kbira x’jegħleb u ddeskriva dak li mistenni jseħħ bħala ħolma kerha.

Hu fakkar li l-Kamra tal-Kummerċ minn dejjem wissiet li Brexit bla ftehim, kif mistenni jseħħ, hu l-agħar xenarju għal pajjiżna.

Irrefera wkoll għal studju li wera kif Brexit bla ftehim jista’ jwassal għal telf ta’ 1.4% tal-Prodott Domestiku Gross tas-27 pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea… u t-telf ta’ miljun u mitejn elf post tax-xogħol.

Qal li għal Malta u l-Irlanda, dan hu xenarju iktar diżastruż minn pajjiżi oħra minħabba d-daqs tal-pajjiżi rispettivi u d-dipendenza tagħna fuq l-ekonomija Brittannika.

Filfatt, bejn Malta u r-Renju Unit fl-aħħar snin kien hemm moviment ta’ importazzjoni u esportazzjoni għal valur ta’ bejn 500 u 600 miljun ewro jew aħjar 16% tat-total ta’ kummerċ għal pajjiżna.David Xuereb fakkar li bi Brexit, kumpaniji li jimportaw jew jesportaw minn u lejn ir-Renju Unit mistennija jibdew jaffaċċjaw tariffi ġodda, proċeduri relatati mad-dwana u toqol amministrattiv konsiderevoli.