Edukazzjoni Lokali

U-turn oħra minn Evarist Bartolo

Tkompli l-kontroversja tal-imsielet fl-iskejjel

Hekk kif ilbieraħ fl-iskejjel kollha tal-Istat tqassmet ċirkolari li tgħid li t-tfal kollha ma jistgħux jilbsu msielet waqt il-ħin tal-iskola, issa l-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo ddeċieda li bħala imsielet jistgħu jintlibsu studs.

F’post fuq facebook, Evarist Bartolo sostna li wara li diversi ġenituri stqarrew id-diżappunt tagħhom għad-deċiżjoni li jitneħħew l-imsielet fl-iskejjel, issa ddeċieda li l-istudenti, kemm bniet u kif ukoll subien jistgħu jintbagħtu bi stud. “Stud iva. Imsielet le”.

B’referenza għal dan kollu, aktar kmieni, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Ġenituri tal-Istudenti tal-Iskejjel tal-Istat tistqarr li din kienet deċiżjoni ħażina li ttieħdet mingħajr ebda konsultazzjoni.

Fl-istqarrija, l-MAPSSS tgħid liż-żmien ta’ din id-deċiżjoni, ftit jiem biss wara li omm ta’ tifel li jattendi l-skola f’Għawdex oġġezzjonat wara li binha ma kienx permess li jmur l-iskola bl-imsielet, kif ukoll il-fatt li din il-kwistjoni qatt ma tqajmet f’ebda laqgħa li l-MAPSSS kellhom ma’ uffiċjali tal-Ministeru matul is-snin li għaddew – jagħmilha ovvj u li r-raġunijiet ta’ saħħa u sigurtà msemmija huma biss ambigwu li jiġġustifikaw din id-deċiżjoni mgħaġġla u assurda.

Barra minn hekk, ir-riforma tal-uniformi ġdida mħabbra mill-Ministeru tal-Edukazzjoni f’Ġunju li għadda, ma ssemmix l-imsielet.

L-MAPSSS ġġib għall-attenzjoni tad-Direttorat tas-Servizzi Edukattivi li din id-deċiżjoni imprevedibbli qed tikkawża problemi għall-ġenituri li kienu għadhom kif taqqbu widnejn it-tfal tagħhom u li ntalbu speċifikament biex ma jneħħux l-imsemmija imsielet għal numru ta’ ġimgħat, sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ infezzjoni.

L-Assoċjazzjoni tħeġġeġ lill-Direttorat għas-Servizzi Edukattivi biex tirrevoka din id-deċiżjoni li saret bl-għaġġla u jippermettu lit-tfal jilbsu studs ċatti li huma kkunsidrati alternattiva sikura għall-imsielet.

Finalment l-MAPSSS tinkoraġġixxi lid-Direttorat għas-Servizzi Edukattivi biex jindirizzaw immedjatament il-kwistjonijiet ta’ saħħa u sigurtà reali, li jinkludu klassijiet li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet minimi nazzjonali għal regolamenti tal-iskejjel kollha, kif ukoll sitwazzjonijiet fejn is-sewwieqa tat-trasport tal-iskola ma jirrispettawx leġislazzjoni eżistenti bħall-użu mandatorju taċ-ċintorini tas-sigurtà u l-projbizzjoni tal-użu tal-mowbajls waqt is-sewqan.