Futbol Sport

Valletta jikkonfermaw lil Darren Abdilla bħala kowċ

(Ritratt: Trevor Sollars)

Darren Abdilla rċieva konferma uffiċjali li se jibqa’ bħala kowċ ta’ Valletta wara xi spekulazzjonijiet li bdew ifeġġu wara t-telfa li sofrew Valletta kontra Gżira United. Fi stqarrija, Valletta kkonfermaw li l-President u l-Kumitat għandu fiduċja assoluta f’Abdilla u qalu li l-ħidma tal-kowċ mhix f’riskju li tintemm.

“Il-President tagħna Victor Sciriha u l-membri tal-Kumitat afdaw lil Darren Abdilla biex imexxi proġett tekniku għat-tliet snin li ġejjin, bl-objettivi prinċipali jkunu li javvanza fil-kompetizzjonijiet Ewropej, jintroduċi plejers żgħażagħ ġodda u ovvjament jikkompeti biex jirbaħ l-unuri.”

L-istqarrija kompliet tgħid li l-klabb hu determinat li kif għamel fl-aħħar snin, jilħaq il-miri u l-objettivi ta’ dan l-istaġun filwaqt li saħqu li se jibqgħu jagħtu s-sapport lill-kowċ u l-istaff tekniku b’kull mod possibbli biex jassiguraw il-kisbiet fil-futur qrib u fit-tul.

Għal Abdilla dan hu l-ewwel staġun bħala kowċ ta’ Valletta wara li f’Mejju li għadda ffirma kuntratt ta’ tliet snin. Fl-ewwel avventura Ewropea mal-klabb, Valletta għaddew għat-tielet rawnd ta’ kompetizzjoni Ewropea għall-ewwel darba. Aktar minn hekk, Abdilla qed jagħti aktar spazju fit-tim liż-żgħażagħ Nicholas Pulis u Shaun Dimech, b’Jean Borg li issa hu meqjus bħala wieħed mill-plejers regolari fit-tim.

Fil-kampjonat, Valletta jinsabu fis-seba’ post tal-klassifika bi tmien punti wara sitt logħbiet. Huma rebħu kontra Sliema Wanderers u Balzan, kisbu draws kontra Floriana u Birkirkara u tilfu kontra Santa Lucia u Gżira United.