Sport Waterpolo

Valletta United jakkwistaw ukoll lil Edward Aquilina

Valletta United komplew isaħħu l-iskwadra bl-għan li jirritornaw fost l-aqwa timijiet hekk kif wara Michele Stellini u Niki Lanzon, ħabbru wkoll l-akkwist ta’ Edward Aquilina.

Aquilina hu isem popolari mad-dilettanti tal-waterpolo f’pajjiżna hekk kif fil-karriera tiegħu lagħab ma’ Sliema, Ta’ Xbiex, San Ġiljan, Neptunes u Sirens. Aquilina magħruf aħjar bħala ċ-Ċoċċi se jkun qed jagħti l-versatilità u l-esperjenza neċessarja fil-pitch.

Bejn l-2001 u l-2004 hu kien parti mit-tim Slimiż li rebaħ erba’ Kampjonati tas-Sajf konsekuttivi. Wara esperjenzi ma’ tliet klabbs differenti fejn anki rebaħ il-Kampjonat tas-Sajf ma’ Neptunes fl-2011 u fl-2012, Aquilina rritorna ma’ Sliema fl-2013 iżda fis-sentejn ta’ wara lagħab ma’ Sirens. Fl-2016 irritorna mas-Slimiżi u fl-aħħar sentejn reġa’ rritorna ma’ Sirens.

Fl-aħħar disa’ staġuni, fil-Kampjonat tas-Sajf skorja 139 gowl, bl-aħjar staġun f’termini ta’ gowls ikun fl-2015 meta ma’ Sirens skorja 28 gowl.