Lokali Unjoni Ewropea

Wara l-ftaħir tal-Gvern, ebda pajjiż ma jrid jikkommetti ruħu

Malta u l-Italja jibqgħu jġorru l-piż tal-immigranti waħedhom

Wara li x-xahar li għadda f’Malta tlaqqa’ summit bejn ħames stati membri tal-Unjoni Ewropea biex il-piż tal-immigranti ma jibqax jinqasam biss bejn Malta u l-Italja, s’issa għadu ma ntlaqħax ftehim dwar liema pajjiżi tal-Unjoni Ewropea se joffru l-għajnuna tagħhom f’dan ir-rigward.

Minkejja li matul il-ġurnata tal-bieraħ saret diskussjoni pjuttost twila bejn il-pajjiżi tal-EU, l-ebda pajjiż ieħor ma ffirma l-ftehim li kien propost minn Malta, l-Italja, Franza u l-Ġermanja waqt is-Summit li sar f’pajjiżna ftit tal-ġimgħat ilu.

Din l-iskema kienet imfassla sabiex jitnaqqas il-piż tal-immigranti minn fuq pajjiżi bħal Malta u l-Italja li ġeneralment ikunu l-ewwel żewġ stati membri fejn dawn l-immigranti jipprovaw jidħlu permezz tad-dgħajjes li jkunu fuqhom. F’din l-iskema Franza u l-Ġermanja qablu biss li jieħdu wħud minn dawn l-immigranti b’mod volontarju; skont kemm iridu huma u jekk fuq kollox ikunux iridu jdaħħluhom f’pajjiżhom.

Dan kollu jfisser biss ħaġa waħda – li s-Summit li sar f’pajjiżna, tista’ tgħid li sar għalxejn, għax finalment ma ntlaħaq l-ebda ftehim kif prova jalludi l-Gvern. Konferma li toħroġ ukoll fis-sit il Giornali.it fejn jgħid li dan il-ftehim huwa fjask.

Il-Portugal, l-Irlanda, il-Lussemburgu u l-Fillandja jidher li għadhom qed jikkunsidraw din l-iskema, filwaqt li għad iridu jaraw jekk hux se jkun hemm pajjiżi oħra li jaċċettaw dan il-ftehim. Huma mhux se jikkommmettu ruħhom dwar l-ammont ta’ immigranti li se jidħol f’pajjiżhom.

Dan filwaqt li l-Bulgarija, Ċipru, id-Danimarka, l-Ungerija u l-Olanda qed jopponu din l-iskema.

Il-Kummissarju Ewropew għall-Immigrazzjoni Dimitris Avramopoulos sostna li hemm bżonn “inkomplu naħdmu biex nikkonvinċu iktar stati membri li jifformaw parti minn din l-iskema.”

Id-diskussjonijiet mistennija jkomplu nhar il-Ġimgħa li ġej.