Lokali

Wieħed mill-akkużati fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia jgħid li telefonati nterċettati saru llegalment

Wieħed mill-irġiel akkużati bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, George Degiorgio, ippreċenta kawża Kostituzzjonali fejn qed jargumenta li telefonati nterċettati mill-Pulizija li jinkriminawh u li ntużaw kontrih, anke jekk qatt ma ġew esebiti minn naħa tal-Prosekuzzjoni, kienu miksuba b’mod illegali u per konsegwenza kull referenza għalihom għandha titneħħa mir-‘records kollha tal-każ.

Waqt il-ġbir tal-provi fil-kumpilazzjoni kontra Degiorgio, ħuh u Vincent Muscat, il-Pulizija xehdu kif huma kienu użaw u nterċettaw telefonati bħala sors ta’ moniteraġġ, fejn kienu ħadu sinjali u saħansitra l-moviment tal-bomba nniffisha.

Minkejja dan kollu l-ebda ‘recording’ tal-konverżazzjonijiet jew xi kopji ma kienu esebiti bħala prova, u saħansitra labqas il-Kap tas-Servizzi tas-Sigurtà ma ttella’ jixhed dwarhom.

L-Avukat William Cuschieri, li qed jidher għal George Degiorgio, argumenta li dan kollu u l-fatt li l-ebda ‘warrant’ mill-Ministru responsabbli mis-Servizzi tas-Sigurtà biex jawtoriżża l-interċetazzjoni ta’ dawn it-telefonati, lanqas ma kien esebit, u dan kollha jqanqal dubju dwar il-legalità ta’ dan kollu.

Minkejja l-fatt li l-kumpilazzjoni kontra l-akkużati issa ntemmet u li ħarġu l-kapi tal-akkuża, l-Pulizija naqqset li tipprova l-veraċità ta’ dak kollu li qalu fuq it-telefonati nterċettati, jekk hux minnu li dan kollu seħħ jew jekk dawn sarux b’mod legali.

“Dan kollu qed jingħad ukoll minħabba li l-Kummissarju tal-Pulizija huwa fid-dmir li jenforza l-liġi u jippreveni t-twettiq tad-delitti, li ma jsirux reati jew li huwa stess jikser il-liġi.”

Fil-kawża Kostituzzjonali li saret l-Avukat Cuschieri qal li għalhekk l-aħwa Degiorgio kien għamlu protest fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili f’Awwissu, fejn kienu rreferew għall-ġurisprudenza li kienet stabbilit li meta telefonati jiġu nterċettati, l-Qorti tkun qed tiġi mċaħħda minn sorveljanza ta’ fejn tidħol evidenza.

Dan kollu jfisser li mhux qed jitħalla li jkun hemm garanziji ta’ protezzjoni fl-interess tal-partijiet kollha li għandhom ikunu nvoluti b’mod trasparenti. Fis-sena 2011, fil-każ tal-Avukat Ġenerali kontra s-Servizzi tas-Sigurtà, kien qed jiġi emfażizzat li mhux biss it-traskrizzjonijiet tal-interċetazzjonijiet għandhom jiġu esebiti iżda anke l-awtoriżazzjoni tal-‘warrant’ u dan fl-ewwel lok.

In-nuqqas ta’ dan ifisser, li l-Qorti ma setgħetx tiddikjara jekk l-interċetazzjoni kienx legali jew le, l-Qorti kienet qalet anzi, “li ħadd ma jista’ jiċħad li r-regola tal-Qorti, li ħadd mhuwa ‘l fuq mill-liġi.” Issa li l-Avukat Ġeneral li diġa wasal fl-istadju dwar l-Att tal-Akkuża, li l-kumpilazzjoni hija magħluqa u minkejja l-importanza massima tal-provi, l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija għażlu li ma jesebixxux l-evidenza.

Dan ifisser li jew mhux minnu li t-telefonati ġew interċettati, jew jekk vera saru kienu llegali. Jekk saru b’mod illegali, ma sarux biex jinvestigaw ir-reat li kien għadu ma sarx sa dak iż-żmien, qal l-Avukat Cuschieri. Jekk saru bħala parti minn xi nvestigazzjoni oħra, ma jistgħu jintużaw bħala prova f’dan il-każ, huwa qal.

Jekk dawn saru b’mod illegali, dawn għaddew ukoll b’mod illegali mill-Kap tas-Servizzi tas-Sigurtà lil Kummissarju tal-Puliziija, kompla jgħid l-Avukat. Barra minn hekk, kien hemm “interess biex b’mod illegali u arbitru jiġu żvelati partijiet żgħar u selettivi ta’ dawn l-interċettazzjonijiet, u li jibqa’ kollox taħt it-tapit fuq il-kontenut kollu tat-tagħmir li kienu qegħdin jużaw l-akkużati.

Dan l-ilment kien suġġett għall-protest ġudizzjarju li kien sar mill-aħwa Degiorgio. Hija tal-mistħija qal l-Avukat Cuschieri, li wħud minn l-awtoritajiet għoljin li jinfurzaw il-liġi f’dan il-pajjiż m’għandhomx is-saħħa li lanqas biss jiċħdu tali allegazzjoni, u anqas u anqas li jesebixxu l-‘warrants’ li messhom inkisbu qabel ma beda jsir l-ittappjar tat-telefonali mill-mobajls tal-akkużati.

Dan kollu jfisser li d-drittijiet fundamentali tagħhom, jiġifieri r-rispett tal-ħajja familjari, tad-dar u korrispondenza, taħt l-Artiklu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem kienu qegħdin jiġu mittiefsa.

Sussidjarja għal dan, qed jiġi argumentat li l-liġi Maltija ma tispeċifikax b’mod ċar x’diskrezzjoni kellu juża il-Kap tas-Servizzi tas-Sigurtà biex jagħmel dawn l-interċessjonijiet u li bħala kosegwenza, l-liġi nnifisha kinitx qed tikser id-drittijiet fundamentali tal-bniedem.

Dak kollu li ġie rrappurtat fil-media dwar ‘tapping’, jagħti x’jifhem li dan kien qed isir b’mod ilegalli mill-Pulizija, kien qed jimpinġi fuq il-preżunzjoni tal-innoċenza, argumenta l-avukat difensur.

Fil-konklużjoni tiegħu, huwa talab lill-Qorti biex tiddikjara li nkiser id-dritt fundamentali tal-akkużati u biex l-istess Qorti tordna li kull ma sar b’mod illegali u li nkiseb bħala evidenza u li dan sar b’mod illegali, kif ukoll li fid-dawl ta’ dan kollu jingħata kumpens.