Il-Belġju lbieraħ kien l-ewwel pajjiż li akkwista l-kwalifikazzjoni għall-Euro 2020, meta għeleb lil San Marino bl-iskor kbir ta’ 9-0 biex kiseb is-seba’ rebħa minn seba’ logħbiet fil-grupp.
Fis-serata tal-bieraħ kien hemm diversi konfronti mportanti fejn bla dubju spikkat il-logħba ta’ Amsterdam bejn l-Olanda u l-Irlanda Ta’ Fuq, bl-Olandiżi jdawwru r-riżultat fl-aħħar ħinijiet tal-logħba.
Pajjiżi oħra li kisbu rebħiet importanti u li bihom resqu qrib il-kwalifkazzojni huma l-Polonja, r-Russja, u l-Kroazja.
Grupp Ċ – Minn dan il-grupp kien hemm stennija kbira għal-logħba bejn l-Olanda u l-Irlanda Ta’ Fuq, bl-Olandiżi joħorġu rebbieħa 3-1 bit-tliet gowls tagħhom jaslu fl-aħħar mumenti tal-logħba.
Bis-saħħa ta’ din ir-rebħa l-Olanda, l-Ġermanja u l-istess Irlanda Ta’ Fuq għandhom 12-il punt kull wieħed, bl-Irlandiżi iżda li lagħbu logħba iktar.
Intant kienu l-Irlanda Ta’ Fuq li fetħu l-iskor kwarta mit-tmiem permezz ta’ Magennis.
Iżda ħames minuti wara Memphis Depay kiseb il-gowl tad-draw u fil-91 minuta l-attakkant ta’ Sevilla Luuk de Jong poġġa lill-Olanda għall-ewwel darba fil-vantaġġ.
Fil-95 minuta Depay skorja t-tieni gowl personali tiegħu biex għalaq definitivament il-logħba bit-tielet gowl.
Fil-logħba l-oħra minn dan il-grupp, draw ta’ mingħajr gowls bejn il-Belarus u l-Estonja, fejn għal dawn tal-aħħar dan kien l-ewwel punt miksub s’issa.
Grupp E – Il-Kroazja saħħew l-ewwel pożizzjoni tagħhom b’rebħa komda ta’ 3-0 fuq l-Ungerija.
Il-Kroati għalqu l-logħba fl-ewwel taqsima meta skorjaw it-tliet gowls permezz ta’ Modric u doppjetta ta’ Petkovic.
Fit-tieni taqsima Perisic falla penalty għall-Kroati u fis-56 minuta l-Ungerija spiċċaw jilagħbu b’għaxar plejers.
Fil-logħba l-oħra draw ta’ 1-1 bejn is-Slovakkja u Wales biex is-Slovakki żammew it-tieni post fil-grupp.
Kienu Wales li fetħu l-iskor permezz ta’ Moore fil-25 minuta iżda fit-53 minuta Kucka kiseb id-draw għas-Slovakkja.
Grupp Ġ – F’dan il-grupp il-Polonja saħħew l-ewwel post b’rebħa faċli ta’ 3-0 f’Riga kontra l-Latvja, fejn il-protagonista assolut tal-logħba kien l-attakkant ta’ Bayern Robert Lewandowski li skorja hat-trick.
Fil-logħbiet l-oħra rebħiet għall-Awstrija fuq Iżrael 3-1 u għall-Maċedonja fuq is-Slovenja.
B’din ir-rebħa l-Awstrija għamlet pass importanti ‘l quddiem lejn il-kwalifikazzjoni.
Grupp I – Il-Belġju sar l-ewwel tim li kiseb il-kwalifikazzjoni meta kiseb rebħa kbira ta’ 9-0 fuq San Marino.
Sal-ewwel taqsima l-Belġju kienu skorjaw diġa’ sitt darbiet, tnejn minnhom minn Lukaku.
Fit-tieni taqsima l-massakru kompla bil-Belġjani jiskorjaw tlieta oħra lejn it-tmiem.
Anki r-Russi huma prattikament ċerti mill-kwalifikazzjoni meta ġabu fix-xejn lill-Iskozja 4-0.
Il-protagonista għar-Russi kien Dzyuba li skorja doppjetta.
Il-Belġju jikkwalifikaw b’rebħa ta’ 9-0


