Lokali Saħħa

Il-Jum Internazzjonali għas-Saħħa Mentali: “Bżonn li nitkellmu ċar fuq is-suwiċidju”

“Hemm bżonn li nibdew nitkellmu ċar fuq is-suwiċidju u huwa hekk biss li nistgħu innaqqsu r-rata tas-suwiċidju”. Sostna dan il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Saħħa Mentali Mario Galea fi stqarrija fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali iddedikat għas-Saħħa Mentali.

Mario Galea tenna mill-ġdid l-appell biex jerġa’ jitwaqqaf il-Mental Health Crisis Intervention Team fl-iSptar Mater Dei. Imwaqqaf minn Gvern Nazzjonalista, dan it-tim kien strumentali biex isalva ħafna nies minn suwiċidju iżda iżżarma minn Gvern Laburista fl-2013.

Skont ċifri tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO), kull 40 sekonda, persuna tneħħi ħajjitha. Kull 40 sekonda, għal kull suwiċidju li jirnexxi, 20 persuna oħra jipprovaw ineħħu ħajjithom u ma jirnexxilhomx.

Il-Partit Nazzjonalista jsellem lill-eluf ta’ persuni f’Malta li qed ibatu minn problemi ta’ saħħa mentali, ħafna minnhom fis-skiet, mingħajr l-għajnuna u l-kura meħtieġa, lill-familji li tilfu persuna viċin tagħhom u l-professjonisti li mingħajr daqq ta’ trombi, qed jagħmlu differenza fil-ħajja ta’ ħafna nies.