Il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo ħarab milli jwieġeb mistoqsija parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Clye Puli dwar kemm hemm studenti fl-Università tal-Ġordaniżi f’Bormla (AUM).
Minflok wieġeb il-mistoqsija ta’ Clyde Puli, il-Ministru Bartolo għamel riferenza għal tweġiba li kien diġà ta fil-passat fejn kien qal li l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla m’hiex f’pożizzjoni li tagħti informazzjoni dwar kemm hemm studenti f’istituzzjonijiet edukattivi privati minħabba li din hi informazzjoni sensittiva kummerċjalment u hija miksuba b’mod kunfidenzjali.

Fl-aħħar ġranet fil-parlament, il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo kkritika lill-AUM u qal li ma kienx sodisfatt bis-sitwazzjoni preżenti; anzi ammetta li hu sar allerġiku għal istituzzjonijiet edukattivi li qabel jibdew jgħidu li se jġibu ammonti kbar ta’ studenti iżda dan ma jseħħx.
Jirriżutla li l-AUM għanhda biss ftit studenti u għadha ferm ‘il bogħod mill-4,000 student li suppost kellha ġġib. Minbarra li l-Gvern Laburista taha l-bini ta’ Baċir Numru 1, l-AUM ingħatat ukoll l-art sensittiva fiż-Żonqor biex jiżviluppaha fil-kampus; liema kampus għadu ma twettaqx u m’hemmx ħjiel li dan se jitwettaq.
Quddiem din is-sitwazzjoni l-AUM daħlet ukoll f’kontroversja mal-komunitajiet tal-Kottonera għall-proposta li tibni dormitorju kbir fi spazju miftuħ fid-daħla ta’ l-Isla. Din il-proposta ġabet reazzjoni negattiva għaliex se tokkupa l-uniku spazju miftuħ li hemm fiż-żona meta fil-fatt l-AUM m’għandhiex studenti.
