Futbol Sport

It-tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena fl-azzjoni llum kontra l-Finlandja

Illum fis-6.00pm fil-belt Finlandiża Turku, it-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena jilgħab kontra l-Finlandja fil-Veritas Stadion, f’logħba minn Grupp 8 mill-fażi ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew. It-tim taħt it-tmexxija tal-kowċ Silvio Vella fetaħ l-impenji tiegħu f’dan il-grupp ix-xahar li għadda. Iż-żgħażagħ Maltin kisbu draw ta’ 0-0 kontra l-Irlanda ta’ Fuq iżda ġejjin minn telfa ta’ 4-0 kontra l-Ukrajna.

Minħabba l-partiti tal-kampjonat, il-plejers Maltin kellhom ċans għal sessjoni ta’ taħriġ waħda t-Tnejn qabel ħallew pajjiżna lejn il-Finlandja. It-Tlieta filgħodu saret sessjoni mill-physical trainer Karl Attard qabel sessjoni tattika t-Tlieta filgħaxija. Ilbieraħ it-tim Malti tħarreġ darbtejn oħra. F’din l-iskwadra ta’ 20 plejer hemm Dejan Debono, Shaun Dimech u Nicholas Pisani li ssejħu għall-ewwel darba.

Il-Finlandja taħt it-tmexxija ta’ Juha Malinen kisbu rebħa ta’ 2-0 barra minn darhom kontra l-Ukrajna u draw ta’ 1-1 f’darhom kontra l-Irlanda ta’ Fuq.

Skwadra Maltija

Gowlkipers: Timothy Aquilina (Gudja United), Andreas Vella (Mosta)

Difensuri: Jean Borg (Valletta), Zachary Cassar (Gudja United), Dejan Debono (Senglea Athletic), Michele Sansone (Sliema Wanderers), Nicholas Pulis (Valletta), Zachary Grech (Balzan), Gary Camilleri (Tarxien Rainbows)

Midfielders: Myles Beerman (Hibernians), Shaun Dimech (Valletta), Marcus Grima (Balzan), Jamie Zerafa (Santa Lucia), David Xuereb (Senglea Athletic), Nicholas Pisani (Pietà Hotspurs), Jan Tanti (Senglea Athletic), Ayrton Attard (Hibernians)

Attakkanti: Jan Busuttil (Floriana), Zachary Brincat (Mosta), Omar Elouni (Santa Lucia)