L-attakkant Arġentin ta’ Juventus, Paulo Dybala, talab lil Juventus biex jakkwista flokk li hu proprjetà ta’ kollezzjonist Malti.
Meta Juventus kienu qed iħejju l-proġett tal-J Museum, kienu sabu diffikulta hekk kif flokkijiet ta’ leġġendi tal-klabb ma kinux fil-kollezzjoni tal-klabb.
Wieħed mill-persuni li sellfu l-flokkijiet oriġinali u milbusa ta’ dawn il-leġġendi, biex ikunu esposti fil-mużew, kien il-kollezzjonist Malti Noel Borg.
Issa l-kollezzjoni tas-sid tal-mużew Storia di Un Grande Amore, li jinsab f’Tas-Sliema, attirat l-interess ta’ Paulo Dybala.
Dan hekk kif Dybala ikkummenta fuq ritratt li tellgħet is-soċjeta ta’ Juventus fuq Instagram u li juri l-flokk ta’ Omar Sivori espost fil-J Museum u li hu misluf lil Juventus mingħand Borg.
Taħt dan ir-ritratt, Dybala kiteb hekk: “Irrid l-aħħar flokk,” b’riferenza għall-flokk ta’ Noel Borg. Juventus weġbuh ftit wara.



