Internazzjonali

Renju Unit: Midruba waqt attakk fil-qalba ta’ Manchester

Il-Pulizija f’Manchester mhuma qed jeskludu xejn huma u jinvestigaw attakk, fil-qalba tal-belt, fejn raġel armat b’sikkina ħebb għall-persuni li nzerta quddiemu, bir-riżultat li talanqas ħamsa spiċċaw feruti.

L-attakki seħħew fl-Arndale Centre fil-Manchester city centre, bix-xhieda jikkonfermaw li ‘ir-raġel kien qed jiġri ‘il hawn u ‘l hinn waqt li jattakka lin-nies b’sikkina’.

Ħadd ma tilef ħajtu b’konsegwenza tal-attakki u l-pulizija arrestaw raġel ta’ ‘il fuq minn 40 sena fuq suspett ta’ każ  ta’ aggrediment serju. Dan wara li l-pulizija kienu kostretti li jrażżnu lis-suspettat bl-użu ta’ taser gun.

Il-Prim Ministru Britanniku, Boris Johnson, esprima xokk u dieqa għall-inċident, flimkien ma’ solidarjetà ‘mal-persuni kollha affettwati’.

L-awtoritajiet qegħdin jinvestigaw l-attakki bir-reqqa, waqt li l-Pulizija ta’ Greater Manchester qalu li l-uffiċjali inkarigati ‘ma kenux qed iwarrbu l-possibbiltà ta’ terroriżmu.’ L-investigazzjoni se tkompli ‘sakemm il-pulizija jiddeterminaw iċ-ċirkustanzi’ u meta, fl-aħħar sigħat, talanqas ħames midruba mill-attakki kienu qed jingħataw trattament fl-isptar.

Iċ-ċentru kummerċjali inkwistjoni spiċċa evakwat wara l-attakki, bit-trams jieqfu għal żmien mis-servizzi fl-Exchange Square barra l-entratura għall-Arndale Centre.