Ambjent Lokali

“Bżonn ta’ bidla immedjata”

Dimostrazzjoni sabiex titqajjem kuxjenza dwar il-bidla fil-klima

Diversi studenti ltaqgħu quddiem il-bini ta’ Kastilja biex isemmgħu leħinhom kontra l-abbużi li qegħdin jaffettwaw il-klima tad-dinja.

Huma ħassew il-bżonn li jagħmlu din id-dimostrazzjoni għaliex jemmnu li Malta ma tantx isiru dimostrazzjonijiet fuq dan is-suġġġett u ma tantx hawn għarfien.

Greta Thunberg, l-attivista adolexxenti Żvediża li saret magħrufa fuq livell internazzjonali, ftit tal-ġimgħat ilu  infurmat lill-mexxejja tad-dinja, ‘li huma naqsu milli jieħdu azzjoni biex jikkontrollaw il-bidliet fil-klima’. Fid-dawl ta’ dan, kull nhar ta’ Ġimgħa madwar id-dinja qed isiru protesti dwar din it-tema.

Dawn iż-żgħażagħ u l-istudenti kellhom għadd ta’ kartelluni f’idejhom b’diversi frażijiet fosthom sabiex il-Gvern jibda jagħti każ iktar l-ambjent ta’ madwarna, filwaqt li urew it-tħassib tagħhom għal dak li se jkun qed jiġri fil-futur qarib.

Dawn l-istudenti ħassew il-bżonn li bħala Maltin ukoll isemgħu leħinhom hekk kif bħalissa madwar id-dinja qed isir dak li qed jissejjah ‘Climate Strike’.