F’artiklu fit-Times of Malta bit-titlu “Skużani Prim Ministru”, Steve Mallia, eks Editor in Chief tal-istess ġurnal jikteb dwar ir-reazzjoni tal-Prim Ministru fl-aħħar jiem għal mistoqsijiet dwar l-investigazzjoni tal-assassinju tal-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia.
Fit-Talking Point, Steve Mallia jagħmel punt fejn jgħid li tliet irġiel ġew arrestati sentejn ilu, iżda dawn għadhom m’għaddewx ġuri, u li skont artiklu li deher fuq l-istess ġurnal kważi sena ilu, l-investigaturi diġa identifikaw il-persuna li kkummisjona l-qtil. Iżda li dan, sa llum, għadu ma ġiex interrogat mill-Pulizija.
Mallia jgħid li rapporti riċenti qed jindikaw li l-qtil hu marbut mad-dinja politika u jargumenta li huwa għalhekk li r-rwol tal-media iservi l-iskop li jerġa’ joħrog din l-investigazzjoni minn qiegħ il-filing cabinet u mhux li jostakola l-kors tal-ġustizzja.
L-eks Editur jgħid ukoll li l-Prim Ministru kkontradixxa lilu nnifsu meta, mistoqsi jekk jafx min huma l-persuni suspettati wara dan l-assassinju, qal li “hu m’għandux aċċess għad-dettalji ta’ investigazzjonijiet, u li anke kieku għandu, ma kienx se jagħmilhom pubbliċi”. Mallia jargumenta li l-Prim Ministru jew għandu jew m’għandux dettalji.
U minkejja li Muscat qal lill-media li hu la jitlob u lanqas jirċievi dettalji dwar l-investigazzjoni fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, .hu qal li jirċievi ‘briefing’ dwar materji ġenerali dwar il-każ aktar milli dettalji dwar l-individwi.
Kif u fejn taqta’ linja ta’ x’inhuma materji ġenerali u x’mhumiex? X’inhi d-differenza bejn materja ġenerali u dettalji? Liema awtoritajiet investigattivi qed jbbriefjaw lill-Prim Ministru? U għaliex qed jiġi bbriefjat dwar investigazzjonijiet kriminali, speċjalment dawk li hemm mnejn għandhom konnessjonijiet politiċi? Mallia jagħmel dawn il-mistoqsijiet kollha u jtemm l-artiklu tiegħu billi jgħid…forsi l-Prim Ministru jogħġbu jispjegalna.
//= $special ?>