Ikomplu joħorġu dettalji ġodda wara li aktar kmieni din il-ġimgħa l-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga rnexxielha tkisser ċirku ieħor ta’ traffikar ta’ droga, meta interċettata vettura fis-Swieqi li kienet mgħobbija b’erbatax-il kaxxa tal-kartun b’madwar 40kg ħaxixa tal-Kannabis.
Fil-vettura kien hemm żewġt irġiel Sqallin ta’ 36 u 46 sena, b’wieħed minnhom residenti San Pawl il-Baħar, li ġew arrestati b’rabta ma’ din is-sejba. Raġel Malti ta’ 61 sena residenti Santa Venera ukoll qed jiġi interrogat b’rabta ma’ dan il-każ.
Fi żvilupp sinifikanti, il-media Taljana qed tgħid li dan il-Malti hu uffiċjal tal-Pulizija. Il-ġurnal Agrigento Oggi illum irrapporta li l-Pulizija Malti hu l-istess persuna li ġie identifikat bħala raġel ta’ 61 sena, u qed ikun akkużat b’kompliċita’.
Mhux magħruf eżatt jekk dan il-fatt ġiex konfermat mid-Depot f’Malta, u x’tip ta’ proċeduri qed jittieħdu.
L-Isqallin ġew identifikati bħala Giuseppe Vecchia, li għandu 36 sena, u Domenico Galante, ta’ 46 sena. It-tnejn huma minn Agrigento imma jgħixu f’Porto Empedocle.
Jidher li Galante ghandu wkoll restaurant f’ San Pawl il-Bahar.