Il-qawwiet tat-Torok qed jippersistu bl-offensiva fuq iz-zoni kontrollati mill-Kurdi fit-Tramuntana tas-Sirja, fost rapporti li qed jiżdiedu l-vittmi tal-vjolenza, li jinkludu ammont ta’ ċivili.
Fost il-maqtula mill-aħħar ġlied hemm ġellieda mal-Qawwiet Demokratiċi tas-Sirja ( l-SDF taħt it-tmexxija tal-Kurdi) u membri ta’ entitajiet favur it-Turkija. Dan waqt li l-militar Tork ikkonferma ‘l-ewwel mewta ta’ suldat minn tiegħu’ waqt l-offensiva.
Fl-aħħar sigħat, għexieren ta’ eluf ta’ nies kienu kostretti jaħarbu minn djarhom fost il-kritika internazzjonali għall-azzjoni militari tat-Torok fit-Tramuntana tas-Sirja.
L-inkursjoni militari tat-Turkija ilha għaddejja mill-Erbgħa u wara li l-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, kien ħareġ lis-suldati Amerikani minn dik iz-zona mal-fruntiera.
Dan meta l-analisti qed jaqblu li l-irtirar tal-Amerikani, effettivament, ippermetta biex it-Turkija tibda dan l-assalt mill-fruntiera li hi qed taqsam mas-Sirja.
Filwaqt li r-Repubblikani fil-Kamra Amerikana tar-Rappreżentanti ħabbru pjani għal abbozz ta’ sanzjonijiet kontra t-Turkija, it-Tmexxija f’Ankara defendiet l-offensiva bħala tentattiv għat-twaqqif ta’ ‘zona ta’ sigurtà’ ħielsa mill-milizji Kurdi u li tkun tista’ sservi bħala zona ta’ residenza għal refuġjati Sirjani.
It-Turkija tqis lill-milizji Kurdi mal-Qawwiet Demokratiċi Sirjani (SDF) bħala ‘terroristi’ li qegħdin jappoġġjaw kampanja vjolenti kontra t-Torok. L-istess SDF ilhom ix-xhur jikkontrollaw l-inħawi tas-Sirja li qed imissu mal-fruntiera tat-Turkija.
L-SDF kienu alleati ‘importanti u deċiżivi’ tal-Istati Uniti fil-battalja kontra t-terroristi tal-ISIS fis-Sirja. Sadanittant, il-komunità internazzjonali hi mħassba dwar dak li għandu jsir mill-eluf ta’ suspettati priġunieri tal-ISIS ( fosthom il-ġiħadisti minn barra li marru jiġġieldu fis-Sirja) li qed ikunu mħarsa mill-qawwiet tal-Kurdi fir-reġjun.
Fl-aħħar sigħat, il-militar tat-Turkija kien qed jiċċirkonda l-ibliet Sirjani (qrib il-fruntiera) ta’ Ras al-Ain u Tal Abyad. Iżda waqt li l-kelliema Torok qalu li l-offensiva kienet miexja ‘skont il-pjan’, is-sorsi Kurdi u l-attivisti mas-Syrian Observatory for Human Rights insistew li l-kampanja militari mmexxija minn Ankara ‘ma kenitx qed tagħmel wisq progress’.
Fl-istess ħin, l-ajruplani tal-gwerra Torok laqtu l-miri fiż-żewġt ibliet Sirjani msemmija, waqt li l-uniku sptar f’Tal Abyad kien kostrett li jagħlaq fost l-ostilitajiet.
Il-fergħa Iżlamika tas-Salib l-Aħmar ikkonfermat l-imwiet u feriment ta’ għexieren ta’ ċivili – inklużi tfal – fl-inħawi ta’ Ras al-Ain u l-belt ta’ Qamishli li wkoll tinsab viċin il-fruntiera. Talanqas ħames persuni, fosthom tarbija Sirjana, tilfu ħajjithom waqt il-bumbardamenti mill-Kurdi fuq il-bliet tat-Torok fiz-zona tal-fruntiera.
Kien hemm anki għexieren ta’ mejtin fost l-SDF u fost ir-ribelli Sirjani li qed jappoġġjaw lit-Torok, bl-aħħar rapporti jgħidu li l-militar tat-Turkija ( b’riżultat tal-offensiva) kien qed jikkontrolla aktar minn għaxar villaġġi fl-artjiet Sirjani.
//= $special ?>