Futbol Sport

L-Ingilterra tonqos li taċċerta mill-kwalifikazzjoni għal Euro 2020 b’telfa kontra r-Repubblika Ċeka

(Ritratt: EPA)

L-Ingilterra sofriet l-ewwel telfa waqt fażi ta’ kwalifikazzjoni f’aktar minn 10 snin hekk kif ir-Repubblika Ċeka dawret telfa f’rebħa biex ħarġet rebbieħa 2-1. Rebħa kienet tpoġġi lit-tim ta’ Gareth Southgate direttament fil-Kampjonat Ewropew tas-sena d-dieħla, iżda b’dan ir-riżultat, ir-Repubblika Ċeka laħqet lit-tim Ingliż bi 12-il punt, erbgħa aktar mill-Kosovo.

L-Ingliżi fetħu l-iskor wara ħames minuti minn penalty ta’ HARRY KANE wara li Raheem Sterling kien twaqqa’ fil-kaxxa. Reazzjoni immedjata miċ-Ċeki li ġabu d-draw erba’ minuti wara permezz ta’ konklużjoni ta’ JAKUB BRABEC mit-tieni lasta. Il-prestazzjoni tat-tim Ingliż naqset li titjieb u kien fil-85 minuta li ċ-Ċeki skorjaw il-goel tar-rebħa bis-sostitut u debuttant ZDENEK ONDRASEK jiskorja mill-qrib fil-baxx wara li tħalla żmarkat.

Fi Grupp B, il-Portugall u l-Ukrajna kisbu rebħiet f’darhom u komplew isaħħu posthom fl-ewwel żewġ postijiet. Il-Portugall kif mistenni rebħet 3-0 kontra l-Lussemburgu. BERNARDO SILVA fetaħ l-iskor wara 16-il minuta b’xutt minn qagħda ideali. Is-solitu CRISTIANO RONALDO rdoppja fil-65 minuta meta ħa vantaġġ minn żball difensiv u qabbeż fuq il-gowlkiper Anthony Moris. GONCALO GUEDES issiġilla r-rebħa fit-88 minuta b’xutt fil-baxx li kien imxellef.

L-Ukrajna rebħet 2-0 kontra l-Litwanja. L-eroj għalihom kien RUSLAN MALINOVSKY. L-ewwel fetaħ l-iskor fid-29 minuta b’xutt fil-baxx bix-xellug li għadda minn taħt idejn il-gowlkiper u fit-58 minuta rdoppja bi free-kick preċiż.

Franza kisbet rebħa diffiċli ta’ 1-0 barra minn darha kontra l-Iżlanda. Il-gowl deċiżiv wasal f’nofs it-tieni taqsima meta ġie ġġudikat li Antoine Griezmann twaqqa’ fil-kaxxa minn Ari Freyr Skulason. Mill-11-il metru l-attakkant OLIVIER GIROUD li skorja b’xutt fil-baxx.

Bl-istess skor u wkoll minn Grupp H, it-Turkija rebħet kontra l-Albanija. Il-gowl rebbieħ wasal proprju fid-90 minuta b’CENK TOSUN jieħu vantaġġ minn indeċiżjoni fid-difiża u skorja f’lasta vojta.

L-Andorra kisbet l-ewwel rebħa fil-grupp wara li rebħet kontra l-Moldova 1-0. MARC VALES  skorja l-gowl rebbieħ fit-63 minuta wara li tmien minuti qabel il-Moldova kellha tkompli l-logħba b’raġel anqas wara li Radu Ginsari ġie muri t-tieni karta safra.

Riżultati kollha

Grupp A: Montenegro v Bulgarija 0-0, Repubblika Ċeka v Ingilterra 2-1

Grupp B: Portugall v Lussemburgu 3-0, Ukrajna v Litwanja 2-0

Grupp H: Andorra v Moldova 1-0, Iżlanda v Franza 0-1, Turkija v Albanija 1-0