Il-kowċ nazzjonali Malti Ray Żażu Farrugia saħaq dwar l-importanza tal-logħba tas-Sibt filgħaxija kontra l-Iżvezja, hekk kif ħafna qed jitfgħu l-attenzjoni fuq il-konfront tat-Tlieta li ġej kontra l-Gżejjer Faroe. Ray Farrugia qed jimmira lejn il-possibbiltà li t-tim Malti jirbaħ żewġ logħbiet fil-grupp għall-ewwel darba u għalhekk saħaq li “mhux qed nirrealizzaw kemm hi importanti l-logħba kontra l-Iżvezja.”
Hu fatt magħruf li dan il-konfront hu diffiċli għat-tim Malti, iżda Farrugia ma jridx li din il-logħba tonqos mill-importanza tagħha għaliex fi kliemu “tim ikun tajjeb skont l-aħħar logħba tiegħu.” Il-midfielder Rowen Muscat iqis dawn iż-żewġ logħbiet bħala l-aktar kruċjali għat-tim Malti f’dan il-grupp. “Din hi logħba li nistgħu nibnu fuqha wara l-prestazzjoni kontra r-Rumanija u neżlin għall-konfront kontra l-Iżvezja b’mentalità pożittiva.”
It-tim Malti ġej minn telfa ta’ 1-0 kontra r-Rumanija, f’logħba li lejn it-tmiem il-plejers Maltin għafsu għad-draw. Farrugia jistenna li din il-logħba, tkun il-bidu biex it-tim Malti jkompli juri progress.
Il-konfront kontra l-Iżvezja
F’Ġunju li għadda, it-tim Malti kien megħlub mill-Iżvezja 3-0. “Nafu minn xiex batejna dakinhar u qed nippreparaw għal din il-logħba. Ħdima tattikament flimkien fuq iż-żewġ logħbiet.”
“Fl-ewwel taqsima lagħbna futbol tajjeb, konna kompatti u stajna skorjajna żewġ gowls. Fit-tieni taqsima waqa’ l-livell. Jiena nemmen li l-mentalità tagħna trid tinbidel u nemmnu aktar fina nfusna.” Farrugia qal li wara l-logħba kontrihom għandhom idea ċara tagħhom. Hu ma qagħdx lura milli jikkumenta li se jippruvaw jilagħbu u joħorġu mid-difiża meta jkollhom ċans.
Farrugia għadu mhux deċiż kif se jilgħab
Plejer li rritorna fl-iskwadra hu l-veteran Michael Mifsud. Farrugia tenna r-rispett li għandu lejn dan il-plejer u saħaq li ma jistax jinsa dak li għamel għat-tim nazzjonali. Hu ta ħjiel li jista’ jkun utilizzat kontra l-Gżejjer Faroe.
Neqsin żgur se jkunu Juan Corbalan u Jean Paul Farrugia li jinsabu mweġġgħin, iżda dwar il-formazzjoni ta’ għada, Farrugia għadu mhux deċiż. Rowen Muscat żgur se jkun titolari iżda l-kowċ Malti għandu l-idea li l-plejers ikunu importanti fl-irwol u l-logħba li jilagħbu.
Mhux eskluż li Farrugia jżomm is-sistema ta’ tliet difensuri ċentrali b’Andrei Agius u Steve Borg flimkien ma’ Zach Muscat jew Jonathan Caruana. Joseph Mbong hu garantit minn post mal-linja iżda mhux magħruf fuq liema naħa minħabba l-assenza ta’ Corbalan.
//= $special ?>