Ftit qabel jiġi ppreżentat il-Budget għas-sena d-dieħla, il-Prim Ministru Joseph Muscat qed jipprova jnessi lin-nies l-ammont ta’ taxxi u piżijiet li ta’ kull sena jitfa’ fuq il-Maltin u l-Għawdxin, iżda li ma jħabbarx fil-Budget innifsu.
U mhux talli ma ammettiex jew skuża ruħu, talli tenna li fi żmien il-Gvern tiegħu qatt ma ġara hekk. Iżda l-verità hi totalment differenti minn dik li qed jipprova jinħeba warajha Muscat.
Fil-qari tal-Budget għal din is-sena, fit-22 ta’ Ottubru li għadda, il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna kien qal li “għat-tieni sena konsekuttiva mhux se jintroduċi l-ebda taxxa ġdida” … kantaliena li kien reġa’ rrepetiha l-Prim Ministru Joseph Muscat ftit tal-minuti wara, fil-konferenza tal-aħbarijiet li kien indirizza barra Kastilja.
Bdew għaddejjin il-ġimgħat minn wara dawk il-wegħdiet u l-poplu beda jsib ma’ wiċċu għadd ta’ piżijiet li ddaħħlu fin fin matul is-sena.
Bħaż-żieda qawwija ta’ 5ċ fil-prezz tal-petrol u d-diesel … it-tariffi fis-servizzi tal-Funerali … it-tariffa fir-rimi tat-terrapien … żieda fil-prezzijiet ta’ pilloli u prodotti mediċinali … żidiet qawwija fil-prezzijiet tal-ikel … u piżijiet oħrajn bħaż-żieda fil-prezzijiet tal-gass, tal-posta, tal-ħalib u tal-ġobon.
Ma’ dawn: il-kirjiet u l-prezzijiet tal-propjetà, li komplew jisplodu ‘l fuq.
Fid-dawl ta’ dawn il-fatti, staqsejna lill-Prim Ministru jekk hux lest iserraħ ras il-poplu li ż-żieda fl-għoli tal-ħajja li se titħabbar it-Tnejn li ġej hux se tkun qed tinkorpora dawn iż-żidiet. Iżda minflok, Muscat inħeba wara l-imsieħba soċjali.
Sadanittant, mistoqsi mill-media jekk tkellimx maċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri dwar id-“draft business plans” li hu stess qal li għandu ma’ 17 Black, il-Prim Ministru ħarab billi qal li dak li kellu jgħid, qalu fil-jiem li għaddew.
Dan minkejja li Keith Schembri – persuna qrib ħafna ta’ Muscat – ammetta fi stqarrija uffiċjali li kellu dan il-pjan kummerċjali ma’ 17 Black.
//= $special ?>