Futbol Sport

Se jkollna aktar pussess mis-soltu u rridu mmexxu l-ballun malajr – Janne Andersson, kowċ tal-Iżvezja

(Ritratt: EPA)

Il-kowċ nazzjonali Żvediż Janne Andersson qed iħares lejn il-logħba kontra Malta bħala opportunità oħra biex jersqu lejn il-mira tagħhom li jikkwalifikaw għall-Kampjonat Ewropew. L-Iżvezja tinsab it-tieni fi Grupp F bi 11-il punt minn sitt logħbiet u għalhekk jekk iżomm din il-pożizzjoni tikseb il-kwalifikazzjoni.

Andersson ammetta li fil-logħba kontra Malta, it-tim tiegħu se jkollu aktar pussess mis-soltu u minħabba li Malta se tiddefendi fil-logħba, jemmen li l-Iżvezja trid tmexxi l-ballun aktar malajr biex tinfed dik li sejjaħ bħala difiża b’saħħitha.

L-Iżvediż saħaq li l-importanti hu li jirbaħ il-logħba, anki jekk b’gowl wieħed. Hu tkellem b’mod pożittiv dwar id-difiża tiegħu fejn iħoss li dan id-dipartiment kien l-iktar wieħed li tjieb f’dan il-grupp ta’ kwalifikazzjoni. Hu qal li fl-aħħar logħbiet il-gowls li sofrew kienu minn sitwazzjonijiet wieqfa, anki jekk tnejn mill-erba’ gowls li sofrew fl-aħħar tliet logħbiet kienu minn azzjoni.

Il-captain tat-tim Żvediż Andreas Granqvist kien parti mill-iskwadra Żvediża li għelbet lil pajjiżna għaxar snin. Id-difensur eks Genoa u Krasnodar fost l-oħrajn, qal li minn dakinhar it-tim Malti tjieb u sostna li se tkun diffiċli, iżda jinsab kunfidenti u ottimist għal dan il-konfront.