Futbol Sport

Arranġamenti tat-traffiku u l-partitarji għall-konfront bejn Malta u l-Iżvezja

Il-Malta Football Association b’kollaborazzjoni mal-Pulizija ħabbret l-arranġamenti tat-traffiku u l-partitarji għall-partita tal-lum minn Grupp F ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew bejn Malta u l-Iżvezja. Il-logħba tibda fid-8.45pm u se tintlagħab fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali.

Id-dawra tal-Istadium Nazzjonali ilha magħluqa mit-8.00am u fi triqthom il-partitarji huma mħeġġa li jgħaddu minn Triq Pitkali jew Triq Durumblat. Iż-żona tal-Crafts Village għandha tiġi evitata minħabba x-xogħlijiet li għaddejjin bħalissa.

Hemm numru ta’ parkeġġi pubbliċi fit-triq lejn l-Istadium Nazzjonali (immarkati bil-blu fuq il-mappa). Hu rakkomandat li dawk li huma mistiedna u se jsuqu lejn l-Istadium Nazzjonali, jużaw il-faċilitajiet pubbliċi tal-madwar hekk kif l-aċċess immarkat bl-aħmar hu restritt għal dawk li fil-pussess tagħhom għandhom permess tal-parkeġġ. L-Istadium Nazzjonali jiftaħ il-bibien sagħtejn qabel jiġifieri fis-6.45pm.

Fan Zone uffiċjali

Il-Fan Zone uffiċjali għall-konfront tal-lum jinsab fiż-żona tal-picnic, ftit metri bogħod mill-Millenium Stand u jiftaħ fit-3.00pm. It-triq li tagħti għal Fan Zone mill-BOV Adventure Park se tkun magħluqa għat-traffiku. Jidħlu biss dawk li għandhom il-permess tal-parkeġġ fil-Kumpless tal-Basketball. Ħdejn il-BOV Adventure Park hemm faċilitajiet ta’ parkeġġ dedikat għall-mini-buses u coaches.

L-MFA qed tħeġġeġ lill-pubbliku ġenerali biex isegwu l-istruzzjonijiet li jingħataw mill-Pulizija, l-uffiċjali ta’ Transport Malta, l-istaff tal-Istadium Nazzjonali u l-persuni tas-Sigurtà.