Lokali

Deutsche Bank mhux se jkompli jaħdem ma’ banek Malti

Il-Bank Ġermaniż Deutsche Bank ikkonferma li mhux se jkompli jaħdem ma’ banek Maltin f’dak li hu magħruf bħala corresponding banking. Permezz ta’ dan is-servizz, banek Maltin ikollhom aċċess u jkunu jistgħu jipproċessaq transazzjonijiet bid-dollaru Amerikan.

Din l-aħbar ħarġet ftit ġimgħat wara li l-Kunsill tal-Ewropa ta ħasla lill-Gvern Malti għall-falliment tiegħu fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u reati ta’ natura finanzjarja.

Il-ġurnal Times of Malta jirrapporta li l-bank se jwaqqaf dawn is-servizzi sal-aħħar ta’ din is-sena. La l-Gvern u lanqas l-Awtorita’ Maltija għas-Servizzi Finanzjarji ma ħabbru formalment din id-deċiżjoni.

Deutsche Bank ilha għal dawn l-aħħar ġimgħat tirrevedi s-sitwazzjoni fejn jidħol xogħol ta’ correspondent banking, minħabba li l-bank kien qed ikun espost għal relazzjonijiet ma’ banek li joperaw f’ambjent meqjus bħala ta’ riskju għoli. Evidentement, Malta qed tiġi meqjusa bħala ġurisdizzjoni ta’ riskju għoli.

Sorsi li tkellmu mal-ġurnal Times of Malta qalu li filwaqt li ħafna mill-banek Maltin għandhom bank ieħor ma’ min jistgħu jaħdmu, it-tluq ta’ Deutsche Bank ifisser daqqa ta’ ħarta oħra għall-attrazzjoni li toffri Malta għal min qed iħares biex jinvesti f’pajjiżna.

Mingħajr aċċess faċli għad-dollaru Amerikan, kumpaniji internazzjonali jaħsbuha darbtejn qabel jiġu Malta. L-istess sorsi qalu li l-kumpaniji tal-gaming u l-kummerċ ma jiġux hawnhekk għas-suq lokali.

Huma qalu li l-inċentivi fiskali fejn jidħlu tassazzjoni huma attraenti iżda waħedhom, dawn m’humiex biżżejjed.

Sostnew ukoll li huwa diffiċli biex wieħed jattira correspondent banks oħra għaliex ħafna minnhom ma jridux imissu ma’ setturi bħal gaming, droga mediċinali u cryptocurrencies.