Sport Waterpolo

FILMAT: Karl Izzo fiduċjuż li Malta tista’ terġa’ tikkwalifika għall-Kampjonat Ewropew

Id-dħul għal dawn il-logħbiet hu b'xejn

Tmiem il-ġimgħa importanti għat-tim nazzjonali, hekk kif jilgħab grupp ta’ kwalifikazzjoni li jista’ jwassal lil Malta għall-fażi finali tal-Kampjonat Ewropew għat-tielet darba konsekuttiva.

L-avversarji huma r-Rumanija u l-Portugall, b’żewġ nazzjonijiet jikkwalifikaw biex f’Jannar li ġej jilagħbu mal-krema tal-Ewropa f’Budapest. It-tim Malti ġej minn kamp ta’ taħriġ f’Ortigia, jiem li servew ta’ ġid biex il-kowċ nazzjonali Karl Izzo jaħdem fuq l-idea tattika li għandu. Hu jqis li għandu tim dedikat u grupp magħqud.

Il-kowċ nazzjonali Karl Izzo, hu konxju li t-tim Malti għandu l-pressjoni, iżda fl-istess ħin fiduċjuż li jista’ jinkiseb riżultat pożittiv. “Iva għandna l-pressjoni li rridu ngħaddu. Għamilna preparazzjoni tajba jiġifieri jiena fiduċjuż li jkolli the best national team at the best performance, lesti biex quddiem il-pubbliku tagħna nagħtu sfida qawwija lill-Portugiżi u nagħmlu l-aħjar biex ngħaddu. Nispera li din il-pressjoni tissarraf f’ħeġġa, grinta u biex nirbħu din il-logħba importanti għal pajjiżna u għal waterpolo Malti wkoll.”

L-għażliet ta’ Izzo u l-avversarji ta’ Malta

Izzo se jiddetta l-logħba tat-tim Malti fuq difiża b’saħħitha taħt it-tmexxija tal-gowlkiper Nicholas Grixti. Il-plejers Maltin mistennija jilagħbu żona u joperaw bil-kontrattakk għaliex fl-attakk jinsabu koperti tajjeb.

Izzo tenna l-kuntentizza li għandu b’din l-iskwadra. Nieqes hemm Nicholas Bugelli li weġġa’ spalltu filwaqt li kellu jagħżel lil Nicholas Grixti u Alan Borg Cole bħala l-gowlkipers għas-spejjeż ta’ Jake Tanti, deċiżjoni li Izzo ddeskriva bħala waħda diffiċli ħafna. “Il-Portugall hu tim b’gowlkiper b’saħħtu, jgħumu u għandhom shooters tajbin. Ir-Rumanija hu tim pjuttost veloċi, aggressiv u għandhom saqajhom tajbin, speċjalment jekk joħorġu jippressaw.”

Mill-1999, ir-Rumanija dejjem kienet preżenti fil-Kampjonat Ewropew, bl-aħjar riżultat ikun miksub fl-2006 meta temmet fir-raba’ post. Għal kuntrarju, il-Portugall għadha qatt ma kkwalifikat iżda fl-aħħar snin uriet progress.

Skwadra Maltija

Jeremy Abela (Neptunes), Alan Borg Cole (Neptunes), Jordan Camilleri (Neptunes), Stevie Camilleri (Neptunes), Aurelien Cousin (Exiles), Jerome Gabarretta (Sliema), Nicholas Grixti (Sliema), Andreas Galea (San Ġiljan), Gabriel Pace (Neptunes), Ben Plumpton (San Ġiljan), Michael Spiteri Staines (Sliema), Darren Zammit (San Ġiljan), Nikolai Zammit (Neptunes), Dino Zammit (San Ġiljan), Matthew Zammit (San Ġiljan)

Riżultati

Ilbieraħ: Rumanija v Portugall 15-7

Logħob li jmiss

Illum: Malta v Portugall 5.30pm

Għada: Malta v Rumanija 10.00am