Atletika Sport

FILMAT: Kipchoge jsir l-ewwel atleta li għamel id-distanza tal-maratona f’anqas minn sagħtejn

Eliud Kipchoge sar l-ewwel atleta li għamel il-maratona ta’ 42.2 kilometru f’anqas minn sagħtejn wara li spiċċa l-maratona fi Vienna f’siegħa 59 minuta u 40 sekonda. Vienna ġiet magħżula minħabba l-klima favorevoli, il-kwalità tal-arja eċċellenti u kważi għandha art dritta. Biex kiser dan il-ħin, il-Kenjan kellu jiġri 100 metru f’17.08 sekonda għal 422 darba konsekuttiva għal veloċità ta’ 21.1 kilometru fis-siegħa.

Dan il-ħin mhux se jkun rikonoxxut bħala rekord tad-dinja uffiċjali tal-maratona minħabba li ma kinitx kompetizzjoni miftuħa u uża atleti oħra bħala pacemakers. Iċ-champion Olimpiku għandu r-rekord tad-dinja ta’ sagħtejn, minuta u 39 sekonda li kien għamel fil-kapitali Ġermaniża Berlin is-sena l-oħra. Sentejn ilu, Kipchoge kien falla l-istess t-tentattiv b’25 sekonda fiċ-ċirkwit ta’ Monza.

Hu kien assistit minn 42 pacemaker fosthom ir-rebbieħ Olimpiku tal-1500 metru Matthew Centrowitz, Paul Chelimo li rebaħ il-fidda fl-Olimpjadi fil-5000 metru u l-aħwa Jakob, Filip u Henrik Ingebrigtsen. Wara l-maratona, Kipchoge kellu kliem ta’ tifħir għal dawn l-atleti li għenuh biex jilħaq din il-mira.

Kipchoge kellu wkoll l-assistenza ta’ karozza elettrika li turi l-veloċità ideali li suppost kien għaddej. L-atleta ta’ 34 sena kien għamel ħin ta’ 59 minuta u 35 sekonda sa nofs il-maratona. Sa dak il-ħin kien 11-il sekonda fuq ir-ritmu biex jagħmilha f’anqas minn sagħtejn.

“Qed inħossni tajjeb. Wara Roger Bannister fl-1954 kellhom jgħaddu 65 sena. Jien l-ewwel atleta – irrid nispira ħafna nies li l-uman ma għandux limitu.” Kipchoge żied li kulħadd jista’ jagħmel id-dinja isbaħ u b’aktar paċi. Hu tenna l-kuntentizza tiegħu li l-mara u t-tlett itfal tiegħu kienu preżenti biex jaraw l-istorja sseħħ. “Il-pożittività tal-isport, irrid nagħmlu sport nadif u interessanti,” qal il-Kenjan.

Dan l-attentat kien iffinanzjat mill-kumpanija Ineos li s-sid tagħha hu Sir Jim Ratcliffe, li hu l-aktar raġel sinju fir-Renju Unit.