Lokali

”Flimkien qed infasslu l-ġejjieni għal Malta isbaħ u aħjar” – Adrian Delia

Din il-ġimgħa l-Partit Nazzjonalista ta’ xhieda ta’ partit ħaj u dinamiku li, flimkien mal-poplu, qed ifassal politika għal Malta isbaħ u aħjar. Fil-Parlament u barra minnu, tkellimna favur is-saħħa tan-nies u l-ambjent ta’ madwarna, favur il-futur ta’ wliedna u ta’ wlied uliedna. Iddefendejna r-reputazzjoni ta’ pajjiżna, u sħaqna li l-Gvern ma jistax jibqa’ jostor il-verità, bħal fil-każ tar-rapport Egrant, u li trid issir ġustizzja wara li għaddew aktar minn sentejn mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt intervista fuq NET FM.

Adrian Delia qal li din il-ġimgħa l-Partit Nazzjonalista  ppreżenta mozzjoni fil-Parlament biex tiġi ddikjarata emerġenza nazzjonali u t-twaqqif ta’ Kumitat Permanenti bit-titlu ta’ Kumitat Nazzjonali għall-Emerġenza tat-Tibdil tal-Klima. Pajjiżna jrid ikun fuq quddiem fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Irridu nissalvagwardjaw l-ambjent tas-soċjetà tal-lum u t’għada.

Adrian Delia tkellem ukoll dwar konferenza tal-aħbarijiet li tal-PN din il-ġimgħa, dwar il-proposti konkreti fil-Pre Budget Document dwar l-ambjent. Irridu ambjent sostenibbli, mhux bil-kliem, imma bil-fatti, bi pjan u b’mod serju, billi bis-sehem tal-istakeholders kollha naraw fejn irridu nwasslu lil pajjiżna fis-snin li ġejjin.

Adrian Delia spjega kif mill-għajta ta’ Malta tagħna lkoll illum ġejna f’sitwazzjoni fejn kollox għal tal-qalba. Erba’ min-nies tal-qalba, qrib Kastilja, qegħdin jaħtfu kollox huma. Fi ftit ġranet, l-eks Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista James Piscopo ngħata poter assolut fid-Dipartiment tal-Artijiet, u issa sirna nafu li nħatar chairman tal-ARMS. Il-postijiet qed jinħatfu minn tal-qalba li jieklu b’aktar minn ħalq wieħed u b’salarji goffi biex imbagħad flus għall-għalliema jew għall-housing soċjali m’hemmx. Dan meta l-ħaddiema u l-middle class qegħdin jesperjenza morsa doppja fejn il-pagi huma l-inqas li qed jiżdiedu fl-Ewropa u l-prezzijiet tal-prodotti essenzjali bħall-ikel kontinwament qegħdin jiżdiedu, u mat-80,000 persuna jinsabu fix-xifer tal-faqar.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem ukoll dwar ir-risposta li għamel għal talba fil-Qorti mill-Ministri tal-Gvern, Edward Scicluna, Konrad Mizzi u Chris Cardona biex nhar it-Tnejn ma jitilgħux jixhdu fil-kawża Egrant wara li l-Qorti Kostituzzjonali ordnatilhom li jagħmlu hekk, u dan għaliex iridu jżommu l-verità mistura. Huma għandhom aċċess għar-rapport, l-Oppożizzjoni u l-poplu m’għandhomx. Il-mistoqsija li trid issir lil dawn it-tlett Ministri hija: Min fejn kkwotaw dak li kkwotaw mill-inkjesta, liema silta ma tinstabx fil-konklużjonijiet tal-Maġistrat Aaron Bugeja. Joseph Muscat, dawn it-tliet Ministri u l-Avukat Ġenerali ma jridux li l-poplu jkun jaf il-verità kollha.

Adrian Delia rrefera għall-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u kif aktar mhu qed jgħaddi żmien, qed tinqatel il-verità. Huwa qal li sentejn wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, l-moħħ jew imħuħ wara dan l-assassinju għadhom mhux magħrufa. Għandna l-obbligu li nibqgħu nħarsu l-espressjoni ħielsa u nagħtu l-mezzi kollha biex f’pajjiżna, li huwa wieħed demokratiku min irid jitkellem u jesprimi lilu jkun jista’ jagħmel dan bil-libertà. Il-PN dejjem ħadem sabiex f’pajjiżna tissaħħaħ l-espressjoni tal-kelma u niffokaw sabiex insibu l-verità kollha u l-mandanti ta’ dan l-assassinju u ssir ġustizzja. Il-poplu qed jistenna li l-inkjesta pubblika tgawdi l-fiduċja tal-familja u tal-pajjiż, xi ħaġa li bħalissa ma tistax issir.