Għawdex Kultura Kunsilli Lokali Lokali

Ħamiema, fjamma, manuċċa jew tajra….

Festival ta' lwien fl-Għarb Għawdex

Forom li jlewwnu s-smewwiet. Tfal ċkejknin li jqattgħu sigħat b’għajnejn imsaħħra, imwaħħla ma’ biċċa drapp Marbuta ma’ spaga, u tittajjar fis-sema.

Imma mhumiex iċ-ċkejkni biss li jissaħħru wara tajra kkulurita tittajjar fis-smewwiet.

Thomas Abdilla skopra din id-dinja maġika li ħafna jaħsbu li tappartjeni biss għat-tfal, sena ilu.  Wara żjara bla ħsieb lill-festival tat-tajr f’Għawdex is-sena l-oħra, f’Thomas nibtet passjoni kbira għal dan il-passatemp u   llum tista tgħid sar professjonist fil-qasam.

Tul din is-sena Thomas rama madwar 13-il tajra, u issa ħadem tlett tajriet speċjali li kif wieħed jarahom ma jkollux dubju li dawn huma tajr Maltin.

Thomas se jkun qed iżanżan dawn it-tajr speċjali fit-tieni edizzoni tal-Kite and Wind Festival li se jkun qed jorganizza l-Kunsill Lokali tal-Għarb fit-18, id-19 u l-20 ta’ Ottubru, festival li joffri spettaklu fis-smewwiet Għawdxin.

Dan il-festival mistenni jiġbed lejh ħafna barranin li jiġu apposta għalih bħalma għamel fl-ewwel edizzjoni tiegħu is-sena l-oħra, fejn ra parteċipanti minn 20 pajjiż differenti fosthom il-Ġappun, il-Kolumbja, il-Brazil u bosta pajjizi oħra Ewropej.

Ix-xewqa ta’ Thomas hu li jara aktar Maltin jipparteċipaw f’dan il-festival, li s-sena l-oħra ra ħafna parteċipanti barranin u ftit li xejn Maltin, u ħeġġeg lill-Maltin – kemm iż-żgħar kif ukoll il-kbar, biex imorru bit-tajr tagħhom u jhedew f’siegħa ta’ tajr, ilwien u forom.

Min jixtieq jipparteċipa f’dan il-festival jista’ jikkuntattja lill-Kunsill Lokali tal-Għarb għal aktar informazzjoni.