Lokali Saħħa

Il-Gvern ikaxkar saqajh dwar liġi kruċjali li tipproteġi lil min joffri assistenza

Liġi kruċjali li tagħti protezzjoni li min jagħti assistenza medika lil persuna fil-bżonn, ilha sentejn fuq il-mejda tal-Gvern.

Sentejn ta’ tkaxkir tas-saqajn dwar liġi mressqa mill-Oppożizzjoni u li hi intiża biex tipproteġi persuni li f’kaz ta’ emerġenza joffru għajnuna lil persuna, f’każ li għal xi raġuni, dik il-persuna tipprova tieħu passi legali kontra min ikun assistiha.

Claudio Grech, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Benesseri tal-Familja u s-Solidarjetà Soċjali qed jibqa’ jisħaq dwar il-ħtieġa li din il-liġi tidħol kemm jista’ jkun malajr f’pajjiżna.

Net News tkellem ma’ Claudio Grech dwar din il-liġi fejn qalilna li sfortunatament il-Gvern baqa’ jkaxkar saqajh fuqhha għal sentejn. Hu qal li l-ewwel ħadet xhur sakemm tressqet fil-plenarja, u wara li għaddiet mit-tieni qari, il-Gvern riedha li tiġi diskussa fis-Social Affairs Committee. L-Istakeholders kollha qablu mal-liġi kif imressqa, imma l-Gvern qal li ried jagħmel xi emendi fiha imma dawn l-emendi ma waslu qatt.

Claudio Grech qal li din il-liġi tista’ twassal biex ikun salvati l-ħajjiet u appella lill-Gvern biex jieqaf ikaxkar saqajh fuqha.

Liġijiet bħal din, magħrufa bħala l-Good Samaritan Act jeżistu tista’ tgħid fil-pajjiżi kollha tad-dinja sabiex joffru protezzjoni lil min ikun qed jagħtu assistenza lil persuni f’kaz ta’ emerġenza.

Iżda f’pajjiżna ilna sentejn nistennew lill-Gvern japprova liġi mressqa mill-Oppożizzjoni dwar dan.