Riċentement, il-Gvern Malti ppubblika statistika fejn għas-sena 2018, ħareġ li l-Għawdxin li kellhom jirrikorru għax-xoghol ġewwa Malta kienu 3,662. Dan ifisser li minn kull ħames ħaddiema Għawdxin, wieħed kien jaħdem f’Malta.
Hekk stqarr il-Partit Nazzjonalsita fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar Għawdex u r-Riforma Kostituzzjonali Chris Said u mid-Deputat Kevin Cutajar.
Għall-Għawdxin u l-Oppożizzjoni Nazzjonalista, dawn il-figuri huma ta’ tħassib għax huma sostanzjali u qed jikbru u mhux jonqsu. Apparti hekk, huma ta’ tħassib ukoll għax juru li l-Gvern Laburista qed ifalli fil-wegħda tiegħu mal-Għawdxin. Hawn, wieħed ifakkar fl-għajta li kien ħareġ biha l-Partit Laburista qabel l-elezzjoni tal-2013 ta’ xogħol għall-Għawdxin f’Għawdex, li kważi sebgħa snin wara għadha ma seħħitx.
Għall-Oppożizzjoni, s-sitwazzjoni ssir aktar u aktar inkwetanti meta niftakru fil-ftaħir kollu tal-Gvern Laburista dwar il-ħolqien tal-impiegi f’Malta. Jekk ir-riżultati li jitkellem fuqhom il-Gvern huma veritieri, jista’ dan allura jispjega għaliex dawn ir-riżultati f’Għawdex mhux jintlaħqu, tant li wieħed minn kull ħames ħaddiema Għawdxin ikollu jmur għax-xoghol f’Malta?
Il-figuri tal-Gvern jibqgħu lura milli jispjegaw fatturi oħrajn ta’ rilevanza għall-impiegi f’Għawdex, li fil-fehma tal-Oppożizzjoni jiggravaw is-sitwazzjoni. Ma jurux kemm kienu dawk l-Għawdxin li stabilixxew ir-residenza tagħhom f’Malta għax f’Għawdex ma sabux xogħol u li għal finijiet ta’ statistika m’għadhomx jidhru bħala Għawdxin. Lanqas juru x’tip u x’kundizzjonijiet ta’ xogħol għandhom dawk l-Għawdxin l-oħrajn li jaħdmu f’Għawdex u dan fid-dawl tal-fatt li ras għal ras, il-ħaddiema Għawdxin għandhom anqas dħul mill-ħaddiema Maltin.
L-Għawdxin u l-Oppożizzjoni Nazzjonalista jistennew li quddiem il-figuri inkwetanti pubblikati minnu stess, il-Gvern Laburista jimpenja ruħu bis-serjeta biex iwettaq il-wegħda li għamel mal-Ghawdxin ta’ xogħol għall-Għawdxin f’Għawdex. Il-Gvern għandu l-isbaħ opportunità biex jagħmel dan issa li se jkun qed iressaq il-budget ghas-sena 2020. Għal Ghawdex huma meħtieġa inċentivi u proposti konkreti li jistimolaw aktar investiment ta’ sustanza biex dan imbagħad jissarraf f’aktar ħolqien ta’ impiegi fil-gżira.
Dan huwa l-messaġġ li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ilha tibgħat lill-Gvern Laburista, mhux l-anqas fil-Pre Budget Document li ġie ppreżentat mill-PN. Li l-Għawdxin ikollhom l-opportunità li jaħdmu Għawdex hu bżonn li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista tifhem u trid tara li jiġi indirizzat biex l-Għawdxin kemm jista’ jkun ma jkunux kostretti jitilqu mill-gżira tagħhom.
//= $special ?>