Hekk kif is-settur bankarju Malti għaddej minn wieħed mill-aktar żminijiet diffiċli tiegħu, ir-rapport tal-World Economic Forum (WEF) – il-Global Competitiveness Report 2019 – din il-ġimgħa kkonferma dan bl-aktar mod ċar.
Dan ir-rapport poġġa lis-settur bankarju Malti fil-50 post, waqgħa ta’ disa’ postijiet minn dik tas-sena l-oħra, meta kien fil-41 post.
Id-daqqa l-kbira jidher ċar li hi r-riżultat ta’ ġrajjiet bħal dawk ta’ Pilatus Bank, Satabank u oħrajn, tant li fl-2016 u fl-2017 Malta kienet għadha fis-16 u s-17-il post rispettivament.
Bejn l-2017 u l-2018 is-settur bankarju Malti kien waqa’ mis-17 għall-41 post.
Ta’ min ifakkar li fl-aħħar sena sħiħa ta’ Gvern Nazzjonalista, is-settur bankarju Malti kien fit-13-il post fir-rapport tal-World Economic Forum, post li qatt ma reġa’ kien irkuprat.
Aktar kmieni din is-sena l-GRTU kienet wasslet it-tħassib tagħha dwar is-settur tal-banek Maltin direttament lill-Prim Ministru f’laqgħa f’Kastilja. Kienu qalulu li investituri barranin kienu qed isibu diffikultajiet kbar min-naħa tal-banek u qed jaħsbuha darbtejn jinvestux hawnhekk.
Is-solidità tal-Banek Maltin
Skont ir-rapport tal-WEF
2012: 13-il post
2016: 16-il post
2017: 17-il post
2018: 41 post
2019: 50 post
//= $special ?>