Lokali Saħħa

It-tilqima tal-influwenza se tibda tingħata minn nhar it-Tnejn

Minn nhar it-Tnejn li ġej se tibda tingħata t-tilqima tal-influwenza miċ-Ċentri tas-Saħħa madwar Malta u Għawdex.

Għalissa t-tilqima se tkun qed tinagħta b’xejn lill-persuni vulnerabbli li huma t-tfal taħt l-età ta’ 5 snin, persuni li għandhom iktar minn 55 sena, persuni b’mard kroniku, kif ukoll persuni li jaħdmu f’istituzzjonijiet magħluqa. Biex eventwalment, aktar tard tibda tinagħta b’xejn lil kulħadd.

Il-ħinijiet tat-tilqim miċ-Ċentri tas-Saħħa huma bejn it-8.00 ta’ filgħodu u s-1.00 ta’ waranofsinhar mit-Tnejn sal-Ġimgħa u s-Sibtijiet mit-8.00 ta’ filgħodu sa nofsinhar.

Iċ-Ċentri tas-Saħħa tal-Mosta, Raħal Ġdid u l-Furjana jkunu miftuħin ukoll mit-Tnejn sas-Sibt bejn is-14.30 u s-19.30.