Lokali

AĠĠORNATA: “Kieku kont hemm ftit tal-minuti qabel…. is-saqaf kien jaqa’ fuqi”

Inċident ieħor f'sit ta' kostruzzjoni

Għall-ħabta ta’ nofsinhar sfronda s-saqaf ta’ ħanut tal-ikel rinomat fl-Imsida. Il-ħanut huwa Duke’s Snack Bar li jinsab fi Triq Bordin kantuniera ma’ Triq Qrejten, l-Imsida viċin il-Junior College.

Fil-ħin li sfrondat parti mis-saqaf il-ħanut kien magħluq, u fortunatament ħadd ma weġġa’ fl-inċident. Iżda l-persuna li topera dan il-ħanut, Jason Carabott stqarr magħna li sa ftit mintui qabel ċeda s-saqaf huwa kien hemm fil-ħanut iħejji xi affarijier għall-ġimgħa d-dieħla. Bid-dmugħ f’għajnejn huwa qalilna li “jista’ jgħoddha b’waħda… ħlistha minn ħalq il-mewt”.

Jason saħaq li kieku l-inċident seħħ ilbieraħ fl-istess ħin, kienet isseħħ diżgrazzja kbira għax dak il-ħin ikun hemm ammont kbir ta’ nies li jmorru għall-ikel. Carabott kien ilu jgħid lil dawk li kienu qed jaħdmu li qed jisimgħu ammont kbir ta’ storbju fuq is-saqaf tal-ħanut tagħhom.

Iżda minkejja li kienu assigurati mill-perit, is-saqaf xorta waħda spiċċa ċeda. Dan b’detriment għas-saħħa ta’ dawk li jaħdmu hemm kif ukoll għall-ammont kbir ta’ nies li ta’ kuljum jiffrekwentaw dan il-ħanut.