Futbol Sport

L-Italja tikkwalifika għall-Kampjonat Ewropew b’żewġ gowls fit-tieni taqsima

(Ritratt: EPA)

L-Italja aċċertat minn post fil-Kampjonat Ewropew tas-sena d-dieħla b’rebħa ta’ 2-0 kontra l-Greċja fi Stadio Olimpico biex b’hekk baqgħet b’punti massimi wara s-seba’ logħbiet. It-tim ta’ Roberto Mancini fetaħ l-iskor fit-63 minuta meta ngħata penalty wara li xutt ta’ Lorenzo Insigne ġie blokkat minn id Andreas Bouchalakis. JORGINHO inkariga ruħu b’ġirja tipika tiegħu u bagħat lill-gowlkiper in-naħa l-oħra. FEDERICO BERNARDESCHI għalaq il-logħba fit-78 minuta b’xutt fil-baxx minn barra l-kaxxa.

Gowl lejn it-tmiem ċaħħad lil Spanja milli tikseb is-seba’ rebħa wara draw ta’ 1-1 kontra n-Norveġja. SAUL NIGUEZ kien poġġa lil Spanja fil-vantaġġ fl-ewwel minuta tat-tieni taqsima b’xutt minn pożizzjoni ċentrali minn barra l-kaxxa. In-Norveġja evitat it-telfa fl-94 minuta b’daħla tard tal-gowlkiper Kepa Arrizabalaga, b’JOSHUA KING jiskorja mill-penalty.

Ir-Rumanija kellha bżonn tliet gowls fl-aħħar kwarta biex rebħet kontra l-Gżejjer Faroe. GEORGE PUSCAS fetaħ l-iskor fl-74 minuta b’xutt fil-baxx u ALEXANDRU MITRITA rdoppja b’xutt mill-kaxxa fit-83 minuta. CLAUDIU KESERU ssiġilla r-rebħa fl-94 minuta b’azzjoni personali fil-kaxxa.

Id-Danimarka laħqet lill-Irlanda fil-quċċata ta’ Grupp Ċ b’rebħa ta’ 1-0 kontra l-Iżvizzera. YUSSUF POULSEN skorja l-gowl rebbieħ fil-85 minuta meta ħa vantaġġ minn spazju fid-difiża avversarja u xeħet wara Yann Sommer.

Minn Grupp J, rebħa kbira tal-Bożnija li għelbet lill-Finlandja 4-1. IZET HAJROVIC fetaħ l-iskor fid-29 minuta u MIRALEM PJANIC irdoppja fis-37 minuta minn penalty. L-istess MIRALEM PJANIC għamilhom tlieta fit-58 minuta, b’ARMIN HODZIC jiskorja r-raba’ gowl. JOEL POHJANPALO jiskorja l-gowl ta’ konsolazzjoni fid-79 minuta.

Mill-istess grupp, il-Liechtenstein u l-Armenja temmew fi draw ta’ 1-1. TIGRAN BARSEGHYAN poġġa lill-Armenja minn fuq fid-19-il minuta iżda YANIK FRICK ġab id-draw fit-72 minuta.

Riżultati kollha

Grupp D: Georgia v Irlanda 0-0, Danimarka v Żvizzera 1-0

Grupp F: Gżejjer Faroe v Rumanija 0-3, Malta v Żvezja, Norveġja v Spanja 1-1

Grupp J: Bożnija v Finlandja 4-1, Italja v Greċja 2-0, Liechtenstein v Armenja 1-1