MALTA…………………0
ŻVEZJA…………………4
Malta: H. Bonello, A. Agius, J. Mbong, K. Nwoko, R. Muscat (P. Fenech 69’), D. Vella, K. Shaw, A. Effiong (M. Mifsud 75’), J. Zerafa, L. Gambin, Z. Muscat (J. Caruana 68’)
Żvezja: R. Olsen, M. Lustig, A. Granqvist, P. Bengtsson, S. Larsson, A. Ekdal (G. Svensson 64’), M. Berg (S. Andersson 79’), E. Frosberg, M. Danielson, K. Olsson, R. Quaison (A. Isak 71’)
Imwissija: K. Shaw 39’, J. Mbong 57’ (M) R. Quaison 62’ (Ż)
Skorjaw: M. Danielson 11’, S. Larsson 57’pen. , 71’ pen., A. Agius 66’ OG (Ż)
Referee: Sergei Ivanov (RUS)
Assistenti Referees: Roman Usachev, Valeriy Danchenko (RUS)A
L-Iżvezja kienu b’saħħithom wisq għal Malta meta fis-seba’ logħba mil-fażi tal-kwalifikazzjoni, mill-gruppi tal-Kampjonati Ewropew, ħarġu rebbieħa bi skor kbir ieħor, l-istess kif għamlu tul il-maġġor parti tal-logħbiet tagħhom kontra oppożizzjoni Maltija tul is-snin.
Apparti gowl kmieni, l-iskor kompla jikber fit-tieni taqsima permezz ta’ żewġ penalties u ‘own goal’ żvinturat.
B’din ir-rebħa huma jibqgħu fit-tieni post tal-grupp, seba’ punti taħt Spanja filwaqt li Malta tibqa’ fil-ħames post, tliet punti fuq il-Gżejjer Faroe.
Ray Farrugia għażel formazzjoni bi ħsieb fil-partita tat-Tlieta li ġej kontra l-Gżejjer Faroe, fejn spikkaw ammont ta’ żgħażagħ li għal darb’oħra kellhom il-fiduċja sħiħa tal-kowċ Malti. Fosthom idebutta il-player ta’ Sliema Wanderers, Kurt Shaw li inċidentalment sar it-18-il player li libes il-flokk ta’ Malta għall-ewwel darba kontra l-Iżvezja. Tajjeb wieħed isemmi li fost l-ewwel ħdax ta’ Malta, Henry Bonello u Kyrian Nwoko lagħbu kontra l-Iżvezzja wara li fil-passat għamlu l-istess missierijithom John u Chucks.
Dan kien it-13-il konfront ta’ Malta u Żvezja li fihom ħarġu rebbieħa dejjem l-Iżvediżi b’total ta’ 49 gowls. Min-naħa l-oħra t-team Malti skorja biss żewġ gowl permezz ta’ Toninu Camilleri fl-1973 u Leonard Farrugia fl-1985. Player li spikka f’dawn il-konfronti tul is-snin kien Zlatan Ibrahimovic li kien skorja erba’ goals kontra l-Maltin f’logħba waħda, xi ħaġa li għamlu erba’ players oħra fosthom Michael Ballack tal-Ġermanja.
Tajjeb wieħed isemmi li din kienet l-ewwel partita tat-team nazzjonali Malti f’Ta’ Qali min meta ġie elett il-President il-ġdid tal-Malta Football Association, Bjorn Vassallo u ta’ dan hu irċieva token żgħir m’għand is-South End Core.
L-Iżvezja fetħu l-iskor fil-11-il minuta, fl-ewwel azzjoni tagħhom meta MARCUS DANIELSON żgiċċa minn ma’ Kyrian Nwoko, spiċċa waħdu fil-kaxxa u ltaqa’ mal-korner ta’ Pierre Bengtsson b’xutt mill-ewwel.
Fit-33 minuta Robin Quaison kien imċaħħad minn Henry Bonello li niżel isalvalu x-xutt minn barra l-kaxxa tiegħu wara azzjoni maħduma tajba li fiha spikka l-passaġġ bit-takkuna ta’ Marcus Berg.
Minuta wara, l-istess Bonello reġa’ kien tajjeb salva l-freekick dirett ta’ Sebastian Larsson.
Fit-38 minuta, Berg kien żmarkat tajjeb minn tliet kwarti grawnd u sab ruħu quddiem Bonello iżda bir-ras ma rnexxilux iqabbeż minn fuq il-goalkeeper Malti.
Malta resqu l-ewwel darba lejn il-lasti Żvediżi ftit qabel tmiem it-taqsima fejn għal darba darbtejn ma mpenjawx lil Robin Olsen grazzi għad-difensuri li mblukkaw tajjeb f’korner żewġ xuttijiet perikolużi. L-ewwel azzjoni waslet wara xogħol tajjeb ta’ Kyrian Nwoko, Joseph Mbong u Luke Gambin. Mill-aħħar korner, Rowen Muscat impenja lill-Olsen b’xutt minn barra l-kaxxa li l-goalkeeper salva bla problemi.
Bonello dawwar f’korner it-tentattiv ta’ Bengtsson fil-50 minuta hekk kif l-Iżvediżi ħarġu għat-tieni taqsima jfittxu t-tieni gowl.
Fis-57 minuta, Żvezja rrduppjaw permezz ta’ SEBASTIAN LARSSON minn penalty. Kien Mbong li waqt korner, ftit tas-sekondi qabel, deher jiġbed il-flokk ta’ Andreas Granqvist fil-kaxxa bir-referi jkun pront isaffar u jammoni lill-Malti għal-fawl ċar.
Alfred Effiong resaq viċin żewġ minuti wara meta minn korner ta’ Luke Gambin, Mbong xeħet lejn il-kaxxa, bl-attakant Malti jfalli l-mira bi ftit.
B’mod żvinturat għal Malta, fis-66 minuta wasal it-tielet gowl tal-Iżvezja meta Quaison daħal mix-xellug u prova kross fil-baxx li ħabat ma’ Andrei Agius u qarraq b’Bonello.
Is-sostituti, Jonathan Caruana u Paul Fenech ikkumbinaw tajjeb appena daħlu jilgħabu, b’Fenech jersaq ferm viċin fis-70 mina meta ra x-xutt tiegħu minn barra l-kaxxa jgħaddi ċentimetri fuq il-lasti ta’ Olsen.
Minuta wara, l-Iżvezja nagħtaw penalty ieħor għal fawl dubjuż fuq Quaison fil-kaxxa. LARSSON għażel li jitfa’ n-naħa l-oħra ta’ li għamel ftit qabel biex kompla jkabbar l-iskor.
L-Iżvezja ħadu nifs ġdid u ssaħħu fl-attakk malli daħal iż-żagħżugħ promettenti Alexander Isak li ħoloq attakk wara l-ieħor b’mod partikolari fis-77 minuta li kien żmarkat tajjeb iżda sab lil Bonello attent li dawwarlu t-tentattiv f’korner.
Huma komplew jikkontrallaw il-logħba sal-aħħar battuti tagħha biex baqgħu bi skor komdu.
//= $special ?>