Sport Waterpolo

Malta tikkwalifika għall-Kampjonat Ewropew għat-tielet edizzjoni konsekuttiva

(Ritratt: Martin Agius)

Għat-tielet darba konsekuttiva, it-tim nazzjonali Malti tal-Waterpolo se jkun qed jilgħab mal-aqwa 16 tal-Ewropa. It-tim Malti għeleb lill-Portugall 12-10 f’rebħa li għalkemm kienet meritata, kienet sofferta speċjalment lejn it-tmiem.

Malta rebħet l-ewwel sessjoni 6-4, b’Stevie Camilleri jiskorja erba’ gowls fis-sessjoni. Il-Portugiżi naqqsu d-distakk għal gowl fit-tieni sessjoni iżda tliet gowls konsekuttivi daħħlu lit-tim Malti jistrieħ 9-5.

Il-Portugall reġa’ kellha bidu tajjeb għat-tielet sessjoni u naqqset id-distakk għal 9-7, sakemm Jerome Gabarretta u Matthew Zammit żammew l-erba’ gowls distakk. It-tim ta’ Karl Izzo beda l-aħħar sessjoni 12-9 minn fuq iżda Ricardo Sousa naqqas id-distakk għal żewġ gowls.

Dan l-iskor tefa’ ftit pressjoni fuq it-tim Malti li madankollu ddefenda b’għaqal għal skor finali ta’ 12-10. Wara l-partita, Net Sports  ħa l-kummenti tal-kowċ nazzjonali Karl Izzo. B’hekk Malta se terġa’ tkun mal-aqwa 16 tal-Ewropa għall-edizzjoni ta’ Jannar li ġej li ssir f’Budapest.