Lokali

Malta tmur lura wkoll fil-kompetittività

Mill-Global Competitiveness Report għall-2019, ippubblikat din il-ġimgħa mill-organizzazzjoni awtorevoli World Economic Forum, jirriżulta li Malta waqgħet żewġ postijiet mis-sena l-oħra ’l hawn, mis-36 għat 38 post.

Dan ir-rapport annwali hu kkunsidrat bħala l-aktar wieħed affidabbli tax-xorta tiegħu anki għaliex ikejjel l-aspetti kollha tal-pajjiżi mhux biss fl-oqsma finanzarji u ekonomiċi.

Ir-rapport jagħti punteġġi f’dawn l-oqsma kollha, u jqabbilhom ma’ dawk li l-pajjiż ikun kiseb fis-sena ta’ qabel.

Fost l-oqsma li r-rapport juri li Malta marret lura hemm: l-istituzzjonijiet, it-trażżin tal-korruzzjoni, is-servizzi tal-Pulizija, l-indipendenza tal-ġudikatura, il-libertà tal-istampa, it-trasparenza u l-meritokrazija, is-sistema finanzarja, ir-riċerka u l-iżvilupp, il-flessibbiltà fis-suq tax-xogħol, is-saħħa u s-solidità tal-banek (soundness of banks).

Fost l-aspetti li r-rapport jindika li fihom Malta marret ’il quddiem hemm l-infrastruttura tat-trasport, l-adozzjoni tal-ICT, u l-infrastruttura tal-utilitajiet (ilma u elettriku).

Il-Prim Ministru Joseph Muscat, matul is-snin, spiss ikkwota dan ir-rapport dwar il-kompetittività biex jiftaħar kemm il-pajjiż, taħtu, sejjer ’il quddiem. Hekk, pereżempju, fi tweet f’Settembru 2016 hu kiteb hekk:

“Good news that Malta claimed 8 places to 40th in World Economic Forum ‘Global Competitiveness Report’. Now we need to aim higher”

Dawn it-tmien postijiet li semma Muscat f’dik it-tweet kienu ntilfu minn Malta eżatt kif tela’ l-partit tiegħu fil-gvern… jiġifieri kulma għamel dak iż-żmien kien li reġa’ mar minn fejn kien telaq.

Mir-rapport ta’ din is-sena jirriżulta li mhux talli Malta ma baqgħetx miexja ’l quddiem, bħalma kien awgura Muscat, talli saħansitra waqgħet ’l isfel żewġ postijiet u, naturalment, mhux mistenni li f’din iċ-ċirkistanza Muscat jagħmel tweet u jirreferi għal dan il-fatt.

Fl-ewwel 10 postijiet tal-Global Competitiveness Report 2019 hemm: Singapore, l-Istati Uniti tal-Amerika, Hong Kong, l-Olanda, l-Iżvizzera, il-Ġappun, il-Ġermanja, l-Iżvezja, ir-Renju Unit u d-Danimarka.

Tags