Ekonomija Kummerċ Lokali

“Wasal iż-żmien li l-Gvern jagħti priorità lill-kompetittività ta’ pajjiżna” – Kamra tal-Kummerċ

"Istituzzjonijiet internazzjonali qed jibagħtu sinjali ta' twissija lil Malta"

F’reazzjoni għar-rapport tal-Forum Ekonomiku Dinji dwar il-Kompetitittività, fejn Malta tilfet żewġ pożizzjonijiet fuq is-sena li għaddiet, il-Kamra tal-Kummerċ fi stqarrija qalet li huwa evidenti li wasal iż-żmien biex il-Gvern jaghti priorità lill-kompetittivita ta’ pajjizna meta kkumparata ma’ pajjizi ohra. 

Il-Kamra qalet li fid-dawl ta’ dan ir-rapport, tħoss li ghandha titlob lil Gvern jara li tittiehed kull azzjoni possibbli biex titjieb l-attraenza ta’ pajjiżna għall-investituri.

L-istqarrija tkompli tgħid li l-Kamra kienet konsistenti fil-pożizzjoni tagħha dwar in-nuqqasijiet li elenka l-World Economic Forum, l-aktar dwar il-problemi fl-istituzzjonijiet, l-abbiltajiet, l-istrutturi tas-suq, u s-sistemi finanzjari, f’dik li hi l-ħidma tagħha favur il-kompetittivita ta’ pajjiżna.

Il-kompetittivita kienet għal darboħra fuq nett tal-lista tal-proposti tal-Kamra għal qabel il-budget tal-2020, bħal ma kienet għal ħafna snin.

L-istqarrija tgħid li Malta ma tistax tirriskja li tkompli tnaqqar minn dak li jagħtiha punt ta’ vantaġġ u tonqos milli tindirizza dawn l-aspetti fundamentali tal-kompetittivita, jekk trid tibqa’ tkun ta’ suċċess.

Il-Kamra tal-Kummerċ qalet li istituzzjonijiet internazzjonali u investituri qed jaraw, u jkejlu u qed jibgħatu sinjali ta’ twissija lil Malta.  Għaldaqstant qed titlob lill-Gvern Malti jieħu l-opportunità biex nhar it-Tnejn, fil-Budget, jassigura li istituzzjonijet importanti f’pajjiżna jkunu attrezzati kif suppost u li jkunu mmexxija minn nies professjonali, sabiex iwasslu lil pajjiżna lejn kompetittività aħjar, kif jixraqlu pajjiżna.

L-istqarrija ttem tgħid li l-partijiet kollha jeħtieg li jaħdmu flimkien biex jippreżervaw il-pedamenti tas-suċċess ekonomiku, u terġa tirkupra dak li tilfet fl-aħħar xhur.