Meta tara t-tant ġid li jagħmlu s-Sorijiet Agostinjani, ma tistax ma titlobx lil Ġesù għal aktar vokazzjonijiet. B’hekk biss, din il-ħidma tkun tista’ tkompli tissaħħaħ.
Kliem l-Arċisqof ta’ Malta, Monsinjur Charles J. Scicluna, waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa biex titfakkar il-125 sena mill-preżenza tas-Sorijiet Agostinjani f’pajjiżna.
Ordni żagħżugħ fil-ħidma tiegħu għas-soċjetà tagħna, li jmiss b’mod pożittiv il-ħajja ta’ kull tifel u tifla fdata f’idejhom.
L-attivitajiet, fil-bini tal-Iskola Santa Monika f’Birkirkara, bdew b’Quddiesa kkonċelebrata mill-Arċisqof u wara nżammet Festa Familja. Matul il-Jubilee Spinelli Fest, dawk preżenti żifnu u ħadu sehem f’logħob differenti, filwaqt li setgħu wkoll jixtru ikel u xorb.
Iżda fuq kollox, kulħadd seta’ jara kif il-ħidma ta’ dawn is-Sorijiet qed tissarraf f’ġid, partikolarment għall-istudenti tagħhom. Pereżempju, dawn is-Sorijiet ħolqu grupp li jiltaqgħu fih l-eks studenti tal-Iskejjel, fejn jitħarrġu f’tipi ta’ arti differenti, bħat-tpinġija, id-drama u l-mima, fost l-oħrajn.
F’kumment lil NET News, il-Madre Provinċjali tal-Ordni Sister Rachel Frendo qalet li bħall-Fundatriċi Madre Tereża Spinelli, huma wkoll iridu jaraw li jgħixu b’qalb waħda u ruħ waħda, fi spirtu ta’ komunjoni.
Tkellimna wkoll ma’ Sister Rosemarie, li hi l-iżgħar Soru f’Malta. Hi spjegatilna s-sabiħ li tgħix ma’ ħutha s-Sorijiet l-oħra f’qalb waħda u f’ruħ waħda.
//= $special ?>