Internazzjonali

Ekwador: Qbil dwar djalogu biex jintemmu l-protesti vjolenti

In-Nazzjonijiet Uniti qalet li r-rappreżentanti tal-Gvern tal-Ekwador u l-gruppi indiġeni li ilhom il-jiem imexxu d-dimostrazzjonijiet kontra l-amministrazzjoni fi Quito qegħdin iħejju għall-ewwel taħditiet diretti f’tentattiv biex itemmu l-protesti vjolenti fil-pajjiż.

Dan meta d-dimostranti qegħdin jinsistu li jingħataw lura s-sussidji għall-fuel li ġew irtirati mill-Gvern tal-Ekwador bħala parti minn sensiela ta’ miżuri tal-awsterità.

L-aħħar rapporti, intant, qalu li l-President tal-Ekwador, Lenin Moreno, qabel li ‘jevalwa mill-ġdid il-każ tas-sussidji’ — iżda k hemm ukoll id-dubji dwar kemm il-President, fil-fatt, qed jaħseb biex jirristawra s-sussidji lin-nies.

Madwar ġimgħatejn ta’ inkwiet – fost il-konfronti bejn il-pulizija u d-dimostranti – ħallew kaos sħiħ f’partijiet kbar tal-kapitali Quito.

Dan waqt li l-President Moreno, fi tmiem il-ġimgħa, ħabbar l-impożizzjoni ta’ curfew fil-kapitali u z-zoni tal-madwar u li kellu jkun infurzat mill-militar. Hu għamilha ċara li ħareġ direttivi speċifiċi lill-kmandanti tal-qawwiet armati tiegħu biex jieħdu l-passi kollha neċessarji ‘għar-restawr tal-ordni fl-Ekwador’.

L-istess Moreno, imbagħad, żvela li d-dimostranti, permezz tar-rappreżentanti tagħhom, kienu qablu għall-ewwel darba li jissieħbu fit-taħditiet diretti mal-Gvern biex jindirizzaw il-kriżi.

Il-movimenti tan-nies kellhom ikunu limitati (tul il-pajjiż) għal perjodu ta’ 24 sena u meta l-Ekwador hu diġà suġġett għal emerġenza nazzjonali effettiva għal xahrejn.